Il-Gvern qed jistudja l-possibbiltà ta’ reklamazzjoni tal-art bi prinċipju ewlieni u ċar f ’moħħu. Dak li l-għażla li trid tittieħed tkun waħda li ma tweġġa’ lil ħadd.
Rapporti fil-midja fl-aħħar xhur li kienu bbażati fuq rapport ta’ awtoritajiet indipendenti li ma kinux konklużi semmew bi prominenza l-lokalità tax-Xgħajra.
Minn tagħrif li kisbet il-gazzetta Kullħadd, jirriżulta li dawn huma biss rakkomandazzjonijiet ta’ rapport inkonklussiv li f ’dan l-istadju għad m’għandux l-appoġġ tal-Gvern.
Xi ħaġa li kien diġà indika l-Prim Ministru meta din is-sena kien qed jitkellem f’Ħaż-Żabbar.
Dakinhar kien qal li dawn ir-rapporti llikjati qabel konklużi ma jagħtux l-istampa reali ta’ dak li qed iħares lejh il-Gvern.
Hemm impenn ċar li jekk tintgħażel li ssir land reclamation issir xi mkien fejn tkun ambjentalment sostenibbli u li ma tkun ta’ inkonvenjent għal ħadd.
Fil-fatt il-Prim Ministru Joseph Muscat kien irreaġixxa b’mod ċar meta qal li m’hemm ebda ħsieb ta’ xi bini fuq il-baħar fix-Xgħajra
F’diskors skjett u mingħajr kantunieri l-Prim Ministru kien żied li l-Gvern mhux se jagħmel xi ħaġa biex iweġġa’ lin-naħa t’isfel ta’ Malta jew xi żona oħra tal-pajjiż.
Il-Prim Ministru Muscat qal:“U issa intom taraw li aħna bħala Gvern se nagħmlu xi ħaġa li nweġġgħu lis-south jew lil xi mkien f ’dan il-pajjiż. Taraw dik is-sitwazzjoni?”
Il-Prim Ministru żied isostni li hu stess ħeġġeġ Sindki u kunsillieri jgħidu tagħhom dwar is-suġġett hekk kif irrapportat fil-midja.
“Kien hemm kunsillieri, kien hemm Sindki jgħiduli: x’nagħmlu? Għidtilhom tkellmu, għamlu li għandkom tagħmlu. Jien se ngħid x’naħseb. Is-sabiħa ħadd ma staqsieni x’naħseb. Lanqas min għamel ir-rapport ma staqsieni x’naħseb, aħseb u ara kemm nista’ nibqa’ fuq dak ir-rapport li jibqa’ kif inhu,” kien iddikjara Joseph Muscat.
Fl-aħħar ġimgħat anke l-Partit Nazzjonalista ħareġ jgħid li jaqbel dwar il-bżonn ta’ reklamazzjoni tal-art biex f ’Malta hawn qbil dwar is-suġġett.
Il-Prim Ministru Muscat fisser kif għandna bżonn ir-reklamazzjoni tal-art, imma hemm metodi ta’ kif isiru l-affarijiet li ma jweġġgħu lil ħadd.
“Naħseb bħala pajjiż għandna memorja qasira. Għandna din l-immaġini kollettiva li land reclamation se tibni gżira xi mkien u ttella’ kullimkien skyscrapers,” fisser il-Prim Ministru li qal li din hi idea żbaljata.
“Ma nħallux min idaħħal flieles fostna li se nagħmlu xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Il-mod kif se ssir il-land reclamation trid tkun ambjentalment sostenibbli u li ma tweġġa’ lil ħadd,” sostna l-Prim Ministru.