Jgħajtu x-xjuħ u jgħajtu t-tfal. Bosta tfal erħewlha lejn il-belt Valletta mal-familji tagħhom sabiex igawdu t-tieni jum tal-karnival flimkien. Fin-nofstanhar ta’ filgħodu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival kienu kollha ddedikati għat-tfal.
ONE NEWS tkellem ma’ bosta tfal li kuntenti lebsin il-kostum tagħhom spjegaw kif iqattgħu u għaliex iħobbu dawn il-ħamest’ ijiem tas-sena.
It-tfal qalu: “Ikun hemm ħafna karrijiet, u, u nies jilbsu l-kostumi.”
“Inħobb niekol l-ikel tal-karnival u li nħobb mill-karnival hi bħal hekk, inħobbu nilbsu l-kostumi sbieħ, inħobbu niżfnu.”
“Inħobb niġi l-Belt għax ikun hawn ħafna karrijiet u nħobb niġi mal-familja, nqattgħu mal-familja meta jkolli l-holidays.”
“Għax inħobb nilbes il-kostumi.”
“Noqgħod nilbes taparsi, ta’ tal- karattri u nieħu gost nara l-karru. Niġu l-Belt, nixtru u nieklu xi ħaġa tal-karnival.”
Iltqajna wkoll ma’ bosta żeffiena żgħar li għalihom il-karnival huwa wkoll ċans sabiex juru l-kapaċitajiet tagħhom.
Huma qalulna: “Sabiħ, tieħu ħafna pjaċir, l-iktar tara nies joħdulek ir-ritratti, tara kemm it-turisti hekk iħobbu dawn it-tip ta’ kostumi. Eċitata hux għax vera nħobbu ż-żfin ħafna u nieħu pjaċir nara in-nies jieħdu interess.”
“Ikolli ħafna ħbieb miegħi meta niżfnu u nieħu pjaċir magħhom u nieħu pjaċir għax nidħol il-pjazza bil-kostum tiegħi.”
“Inħossni eċitata imma wkoll naqra nervuża.”
Gabriella Stagno Piscopo, waħda mill-mexxejja tal-grupp ‘Lookstar Dancers’ li jagħmlu parti mill-għaqda kultura u armar marija annunzjata Tarxien saħqet li t-tfal ikunu ilhom jistennew il-karnival minn xhur qabel. Hija spjegat kif il-ħjata tal-kostumi ddum ħafna filwaqt li x-xogħol għall-karnival jibda ftit wara li jintemm il-karnival tas-sena ta’ qabel.
“Litteralment tiġi maratona fejn l-familji ningħaqdu ġol-maħżen u għandek minn Settembru sa litteralment lejliet il-karnival tiekol u torqod flimkien,” saħqet Gabriella.