Fil-Junior College, b’investiment ta’ madwar €600,000, infetħu tliet laboratorji tal-Fiżika ġodda. Dawn il-laboratorji huma mgħammra bl-aħħar teknoloġija, sistemi moderni ta’ sigurtà u anke arja kkundizzjonata.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji Clifton Grima qal li huwa sodisfatt bix-xogħol li qed isir f’dan il-kulleġġ, biex iż-żgħażagħ ikomplu jsaħħu t-talenti tagħhom u jesploraw ħiliet ġodda.
“Investiment qiegħed hemm biex ikompli jgħin lit-tfal tagħna, liż-żgħażagħ tagħna, l-istudenti tagħna fl-iżvilupp tagħhom. L-iżvilupp kemm bħala fl-aspett akkademiku u anke bħala persuni sħaħ,” huwa saħaq.
Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal tal-Junior College, is-Sur Paul Xuereb, tkellem dwar it-tagħmir f’dawn il-laboratorji.
“Huma laboratorji attrezzati b’dawk li wieħed jistenna fil-ħajja tal-illum, ta’ saħħa u sigurta’, fil-kundizzjonijiet dak l-arja kkundizzjonata, il-livell tad-dawl. It-teknoloġija tat-tagħlim, filwaqt li anke hemm ħafna apparat ġdid li jista’ jintuża f’dawn il-laboratorji,” qal is-Sur Xuereb.
Is-Sur Xuereb żied jgħid kif matul is-sena d-dieħla dan il-kulleġġ se jinvesti fil-laboratorji tal-Bioloġija u fis-snin li għaddew ġew immodernizzati l-laboratorji tal-Home Economics u tal-Kimika.
Intant, il-Ġimgħa filgħaxija dan il-kulleġġ infetaħ għall-pubbliku, fejn studenti prospettivi u l-ġenituri tagħhom setgħu jaraw b’għajnejhom ix-xogħol edukattiv li jsir u jiltaqgħu mal-letturi.