Il-Kap Finanzjarju ta’ Huawei Meng Wanzhou tista’ tiġi estradita lejn l-Istati Uniti. Dan hekk kif il-gvern tal-Kanada, fejn tinsab arrestata Meng, qal li se jħalli l-każ ta’ estradizzjoni jibda. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan se tkun f’idejn il-qrati.
L-Istati Uniti qiegħed ifittex lil Meng fuq akkużi ta’ frodi u ta’ ksur ta’ sanzjonijiet fl-Iran. Hija kienet arrestata fil-Kanada f’Diċembru li għadda fuq talba tal-Istati Uniti.
L-ambaxxata Ċiniża qalet li dan l-arrest huwa każ ta’ persekuzzjoni politika u li Weng għandha tiġi meħlusa.
L-arrest ta’ figura importanti fiċ-Ċina bħal Meng qarras mhux ftit ir-relazzjonijiet bejn iċ-Ċina, il-Kanada u l-Istati Uniti.
Meng qed tiċħad l-akkużi fil-konfront tagħha.
It-talba dwar l-estradizzjoni hija suġġetta għat-trattat ta’ estradizzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Kanada u din tista tkun irrifjutata jekk ma tisodisdax il-kriterji tat-trattat.