Ta’ kull ġimgħa medja ta’ 6 persuni ġodda qed ifittxu l-għajnuna mingħand Dar Gubbio f’Santa Venera minħabba d-dipendenza tagħhom fuq id-drogi.
Dan ġie żvelat mit-Tabib Moses Camilleri f’intervista ma’ ONE NEWS wara li l-Parlament approva mill-istadju tat-tielet qari l-abbozz ta’ liġi li se jkopri bosta drogi ġodda u jagħmilhom illegali.
Ma’ ONE NEWS, it-Tabib Camilleri semma kif dawn it-tip ta’ sustanzi huma użati minn persuni li ma jkunux dipendenti fuq id-droga eroina imma sempliċiment biex jieħdu pjaċir.
It-tabib Dr Moses Camilleri qal: “Dawn is-sustanzi wieħed ma jkunx qed jużahom għax sar dipendenti fuqhom imma għaliex qiegħed f’sitwazzjoni fejn wieħed irid jieħu pjacir u jaf li sustanza bħal din tagħti ċertu pjaċir dak il-ħin malajr u allura jsir użu f’dawk iċ-ċirkostanzi.
It-Tabib Camilleri qal li din il-liġi ġlieda se saħħa id il-Pulizija biex jieħdu passi kontra kriminali li jimportaw drogi sintetiċi li qed iħallu effetti koroh fuq il-ġisem u l-moħħ ta’ dawk li jikkonsmawhom.
Huwa kompla billi qal: “Liġi bħal din se tgħin għaliex hija mmirata aktar milli tindirizza sustanza waħda tindirizza klassi sħiħa u allura l-idea hija li anke sustanzi li jridu joħorġu fil-futur hemm ċans tajjeb li din il-liġi tikkoverja dawn is-sustanzi.
It-Tabib indika kif l-aktar droga sintetika komuni hija s-synthetic cannabinoids, sustanza li jista’ jkollha effetti agħar mill-ħaxixa tradizzjonali:
Huwa kompla jirrimarka li: “Anke minħabba l-fatt li ħafna d-drabi dawn huma sustanzi li l-effetti tagħhom huma relattivament ġodda u li m’għandniex mediċini biex nikkurawhom għax tant huma ġodda u jħallu side effects li ma konniex narawhom li xi kultant anke lilna jħawdu”.
Dawk il-persuni li huma dipendenti fuq dawn it-tip ta’ sustanzi jistgħu jirrikorru għall-għajnuna f’Dar Gubbio li toffri servizzi mediċinali u psikoloġiċi għal dawn in-nies.