Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret it-tieni edizzjoni ta’ Dwejra – looking beyond, nofs ta’ nhar ta’ attivitajiet edukattivi biex jikber l-għarfien dwar iż-żona ekoloġika u importanti tad-Dwejra f’Għawdex.
Il-Ministru qalet li wara s-suċċess miksub is-sena l-oħra, il-Ministeru qed jerġa’ jorganizza din l-attività.
“Il-ħsieb wara din l-attività hu li nwasslu tagħrif li s-sit tad-Dwejra mhuwiex biss it-Tieqa tad-Dwejra imma hu aktar minn hekk. Hu sit ta’ importanza naturali u storika li għandu potenzjal importanti ħafna”, qalet il-Ministru Caruana.
“Kien għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex ħaseb biex itella’ nofs ta’ nhar edukattiv biex jgħarraf lill-pubbliku dwar il-wirt ambjentali li għandna f’dan is-sit protett. Flimkien ma’ entitajiet u ma’ dipartimenti governattivi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex se jieħdu sehem ukoll numru ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi”, spjegat il-Ministru.
Justyne Caruana semmiet għadd ta’ dettalji dwar l-attività li se tinkludi sessjonijiet informattivi u edukattivi minn esperti fil-qasam tal-flora, tal-fawna u tal-ġeoloġija li toffri d-Dwejra.
Se jkun hemm ukoll sessjonijiet ta’ absailing u ta’ tindif mill-għaqda volontarja ERRC kif ukoll sessjonijiet ta’ archery bil-kollaborazzjoni tal-Victoria Scouts.
Prof. Lanfranco se jagħti spjegazzjoni dwar il-formazzjoni ġeoloġika taż-żona tad-Dwejra.
Ma setax jonqos li jkun hemm sorprizi b’effetti speċjali li joħolqu l-effett tat-tieqa tad-Dwejra.