Fi żmien ġimagħtejn oħra jintemm ix-xogħol ta’ restawr fuq il-kappella ta’ San Ġwann Battista fil-Għargħur li l-oriġini tagħha jmorru lura għas-Seklu 13.
Il-kappella reġgħet inbniet u nfetħet fl-1675 bil-ġebla tal-franka u l-faċċata ewlenija għandha fontispizju trijangolari li jserraħ fuq żewġ pilastri u kampnar.
Il-Perit responsabbli mill-proġett Claude Borg qal li l-ikbar ħsarat nstabu fuq il-faċċata tal-ġenb li tħares lejn iċ-ċimiterju tant li partijiet tax-xogħol tal-ġebla huma fi stat avvanzat ta’ deterjorazzjoni u x’aktar ikollhom jinbidlu. Instabu wkoll fili neqsin, ġebla li tfarfar, qoxra ta’ lewn iswed u ħmieġ bijoloġiku.
Huwa żied jgħid li b’sengħa kbira, ir-restawraturi kixfu l-ġebla mill-kisi oħxon tas-siment.
Claude Borg li huwa l-perit responsabbli minn dan ix-xogħol qal: “Ovvjament xorta kellna nagħmlu kisja oħra, imma din id-darba l-kisja li wżajna kienet speċjali li kient abbażi tal-ġir. Ma għandux siment fih, ġifieri, imma xi ħaġa tradizzjonali kif kienu jagħmlu fl-antik nett.”
Ix-xogħol li ilu għaddej minn Lulju li għadda, qed isir mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr, flimkien ma’ ħaddiema li għadhom kif ħarġu mill-MCAST.
Huwa kompla billi qal: “Għażilna dan il-post għax konna nafu li għandhom ċans imissu ma’ cleaning, mat-tindif, tibdil ta’ ġebel, kisi, il-problemi li jkun hemm għal scafolding, wires eċċ. Allura ħassejna li din kienet tkun tajjeb li jmissu ma’ kollox u mbgħad minn hemm ‘il quddiem ikomplu fuq proġetti oħra.”
Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, qal li l-Gvern irid ikompli jippreserva l-wirt tiegħu, b’restawr bil-għaqal fis-siti storiċi li nsibu fl-ibliet u l-irħula Maltin.
Il-Ministru qal: “Dan huwa mod kif aħna nagħtu l-poter effettiv lill-kunsill lokali illi nitkellmu fuq aktar poteri lill-kunsill lokali bil-fatti, mhux impaċpċu biss imma kif qed tara dan il-proġett rajna l-kunsill lokali jgħidilna hu liema proġett li jsir u aħna nwettquh għas-spejjeż tagħna.”
Il-Kappillan tal-Għarghur Dun Christopher Galea qal li bir-restawr li sar ma jeskludix li knisja tibda tintuża aktar.
Dun Christopher Galea l-Kappillan tal-Għargħur qal: “Nuri l-apprezzament lejn l-iskema li hija mogħtija mill-gvern lill-kunsilli lokali u bħalma għedt anki ftit qabel, kienet xi ħaġa providenzjali li tiġi rresawrata din il-kappella li hawn warajja.”
Ir-restawr fuq il-Kappella ta’ San Ġwann Battista nkluda wkoll it-tneħħija tal-metall u l-applikazzjoni ta’ kimika apposta li toqtol il-ħżuż.