Jinsabu fi stadju avvanzat l-istudji biex pajjiżna jkollu sistema ta’ trasport tal-massa permezz ta’ metro taħt l-art.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza l-laqgħa ġenerali annwali tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin.
Il-Prim Ministru Muscat qal: “Għada pitgħada kif nispiċċaw l-ewwel fażijiet tal-upgrading tat-toroq kollha tal-pajjiż ħa nibdew naħsbu u diġà l-istudji qegħdin avvanzati ħafna fuq metro system taħt l-art”.
F’dan l-isfond il-Prim Ministru qal li jeħtieġ pjan ċar dwar ir-rimi tal-materjal tal-kostruzzjoni.
Huwa kompla billi qal: “Allura sewwa, rridu nagħmlu metro għax ma rridux il-karozzi, imma imbagħad il-ġebel li se joħroġ biex nagħmlu dan il-metro ma nafux fejn se nqiegħduh. Ma rridux nitfgħuh fil-barrieri u ma rridux nitfgħuh u narmuh. Imma ma rridux il-land reclamation. Ħbieb tiegħi x’imkien irridu nieħdu d-deċiżjonijiet” .
Spjega li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi mistennija tippublika studju dettaljat dwar ir-reklamazzjoni tal-art.
Huwa kompla jirrimarka: “Minn hawn u ftit taż-żmien ieħor l-ERA se toħroġ l-istudji preliminari tagħha dwar iż-żoni li jistgħu ikunu tajbin għar-reklamazzjoni tal-art u l-użu tar-reklamazzjoni tal-art”.
Dwar il-kwistjoni tal-ħaddiema barranin li qed jinġiebu pajjiżna sabiex jaħdmu fil-ksotruzzjoni, Dr Muscat qal li dan mhux iseħħ għax is-settur iħallas pagi baxxi izda għax il-ħaddiema Maltin tal-idejn qegħdin dejjem jonqsu.
Huwa kompla billi qal: “Issa aħna qed ninvestu dal-miljuni kollha fl-edukazzjoni u biex naraw li t-tfal tagħna ma jibqgħux jieqfu mill-iskola fis-sekondarja u jmorru l-università. Biex narah iqandel kantun imbagħad? Jiġifieri minna nfusna jekk aħna rridu tfal tagħna jibqgħu javvanzaw fl-edukazzjoni ħa jkollna anqas tfal, anqas irġiel u nisa t’ għada li lesti li jagħmlu ċerti xogħol ta’ tbatija”.
Tenna li l-Gvern mhux se jaċċetta lanqas li jkun hawn ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea li jitħallsu b’inqas mill-paga minima.
Minn investigazzjonijiet li għamel il-Gvern, instabet lakuna legali fejn persuni mill-Ewropa setgħu jitħallsu minn kumpaniji bil-paga tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.
Spjega li fil-każ tal-ħaddiema Torok ma sarx hekk iżda l-liġijiet ta’ pajjiżna setgħu jippermettu dan. Għalhekk qal li l-Gvern diġa nieda proċess sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema barranin u tal-Maltin.
Il-Prim Ministru tenna wkoll li jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jinżammux, jekk ikun hemm permess li għadu ma ħariġx ma jingħatax u jekk ikun hemm permessi li ħarġu jiġu rtirati.