Alfred Sant wiegħed li se jkompli jaħdem favur Ewropa ta’ stati indipendenti u sovrani u kontra l-kunċett ta’ Ewropa federali li tiddetta minn Brussell il-politika tal-istati membri tal-UE.
“Ma rridux inħallu dil-viżjoni tiġi kkapparrata mill-populisti,” qal l-MEP Laburista waqt attività soċjali tas-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis.
Alfred Sant qal li huwa kruċjali li jkunu eletti rappreżentanti Maltin li jiddefendu l-interessi nazzjonali ta’ Malta u ta’ Għawdex fl-Ewropa.
“L-appoġġ tal-elettorat Malti u Għawdxi fil-25 ta’ Mejju isaħħaħ ir-rieda tiegħi u dawk li jaħsbuha bħali li nħarsu l-interessi sovrani ta’ Malta u ta’ Għawdex fil-Parlament Ewropew.”
L-MEP Laburista rrefera għall-Programm ta’ Ċittadinanza b’investiment.
“It-trattati Ewropej ma jagħtu l-ebda poter lill-UE biex tindaħal fil-Programm Malti ta’ Ċittadinanza b’investiment.
Is-suċċess ta’ Malta wassal biex isiru attakki inġusti fuq Malta u fuq Ċipru, fost l-iċken stati-membri tal-UE. Dan sar bl-għajnuna tal-MEPs tal-PN.”
Alfred Sant qal li pajjiżi oħra kbar tal-UE ilhom jagħtu ċittadinanza Ewropea lil ċittadini mhux tal-UE għal raġunijiet oskuri u mhux pubbliċizzati mingħajr l-ebda kontabbilità fuq livell Ewropew.
“Ħadd ma kkritika lil dawn il-pajjiżi fil-Parlament Ewropew għal din il-prattika. Jien nemmen li l-MEPs tal-PN għandhom kull dritt li jikkritikaw lill-Gvern Laburista f’Malta. Iżda qatt m’għandhom iweġġgħu l-interessi ta’ Malta fl-Ewropa jew fi ċrieki barranin oħra. Dan mhux aċċettabbli.”
Alfred Sant ħeġġeġ lill-Maltin u lill-Għawdxin biex jappoġġjaw lill-Partit Laburista fl-elezzjonijiet Ewropej biex ikompli jiddefendi l-interessi ta’ Malta u ta’ Għawdex fl-Ewropa.