Pass eqreb sabiex id-dilettanti kollha tal-Karnival ikollhom villaġġ sħiħ tagħhom sabiex taħt saqaf wieħed ikunu jistgħu jesprimu t-talenti artistiċi tagħhom, fosthom il-bini tal-karrijiet artisitiċi u grandjużi.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, fejn ma’ One News spjega x-xogħol li sar f’dan is-sit fil-Marsa u tenna li beda l-proċess biex jibda jsir ix-xogħol ta’ konstruzzjoni.
Il-Ministru Owen Bonnici qal: “Aħna fl-aħħar snin għamilna rilokazzjoni ċaqlaqna l-ħaddiema, waqqajna l-istrutturi naddafna l-post anke skont ma jridu s-supretendenza tal-patrimonju kulturali u ħriġna sitt tenders li issa fadal tnejn biex jiġu aġġudikati u kif ikun hemm dan il-proċess konkluż inkunu nistgħu nitilqu bil-kostruzzjoni u allura din il-qwegħda li aħna tajna se nkunu qed inwettquha”.
Dan il-proġett għandu jsaħħaħ ukoll dan is-settur, għax filwaqt li se jinħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda, it-turisti li jżuru pajjiżna se jkollhom iċ-ċans jesperjenzaw element differenti tal-kultura tagħna li s’issa jiġi ċċelebrat biss fil-jiem tal-Karnival.
Fl-isfond tal-maltempata li laqtet lill-pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa, il-Ministru Bonnici wera d-diżappunt tiegħu ma’ dawk id-dilettanti u artisti li kellhom ħsarat fil-karrijiet tagħhom. Ħabbar li wara li l-gvern ta kumpens sabiex tiġi rranġata l-ħsara, il-karrijiet kollha se jagħmluha għall-karnival ta’ din is-sena ħlief għal wieħed li ġarrab ħsarat kbar.
Huwa qal li: “Bħala Gvern dakinhar stess għedna li aħna se nagħtu għajnuna finanzjarja biex tpatti ftit mill-ħsarat illi ġarrbu l-parteċipanti illi ġew milquta mill-maltemp”.
Id-direttur Artistiku tal-Karnival, Jason Busuttil, qal li l-karnival ta’ din is-sena se jkun kbir u mill-isbaħ għal fejn is-snin imgħoddija.
Jason Busuttil, id-Direttur Artistiku qal: “Ħa jkollna Karnival kbir, Karnival illi huwa estiż ħafna, ta’ livell għoli ħafna, kumpaniji taż-żfin u karrijiet huma fuq livell straordinarju, ovvjament il-kompetizzjoni qed tikber.”