Il-konsulent tad-dijabete il-Professur Stephen Fava qal li matul din is-sena ma naqsux biss l-amputazzjonijiet tar-riġlejn iżda wkoll l-amputazzjoni tas-swaba’ minħabba z-zokkor.
Il-Professur Fava qal dan waqt żjara li d-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għamel f’sala speċjalizzata li ġiet inawgurata f’Diċembru tal-2017 li toffri kura lill-pazjenti tad-dijabete.
F’dawn l-aħħar xhur aktar minn 300 pazjent ingħataw kura f’din is-sala li għandha 14-il sodda u saret b’investiment ta’ €400,000.
Il-Professur Stephen Fava qal: “IL-minor qed jonqsu wkoll li hi xi ħaġa tajba, huma t-tnejn naqsu iktar, iġifieri qed isiru aktar minors milli majors li hi ħaġa tajba imma anke il-minors din is-sena naqsu wkoll… Aħna dejjem jekk jista’ jkun nevitaw l-amputazzjoni imma jekk pazjent għandi bżonn amputazzjoni ħafna aġjar jekk ikollu minor amputation, iġifieri jitlef seba’ wieħed jew tnejn jew biċċa pala, milli jitlef is-sieq kważi kollha”.
Il-Professur Fava żied qal li r-rata ta’ dijabete f’Matla qed tiżdied bħalma qed tiżdied fil-kumplament tad-dinja. Madanakollu stqarr li l-prevalanza f’Malta hija aktar qawwija.
Huwa kompla billi qal: “Ir-raġuni hija porpju l-istil ta’ ħajja li ngħixu, nagħmlu ftit eżerċizzju kif ukoll nieklu ħafna ikel mhux daqsekk tajjeb għas-saħħa u tibda minn età żgħira sfortunatament anke fit-tfal l-eżerċizzju qed jonqos.”
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, qal li permezz tat-twettiq tal-pjan azzjoni li joħroġ mill-istrateġija nazzjonali kontra d-dijabete qed jonqsu il-kumplikazzjonijiet.
Il-Ministru Chris Fearne qal: “Dan ifisser li l-pazjenti tagħna qed nilħquhom qabel iġifieri il-pjan tagħna tal-prevenzzjoni qiegħed jirnexxi u bħal ma jafu t-telespettaturi is-sena li għaddiet aħna qassamna mas-27,000 magna biex jiċċekjaw id-dijabete u stick mingħajr ħlas.”
Skont l-aħħar statistika, f’Malta hawn madwar 45,000 persuna li jsofru mid-dijbate li tikkawża bosta kumplikazzjonijiet.