F’rapport ta’ 60 paġna, il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li l-ekonomija ta’ Malta kompliet tikber b’mod b’saħħtu u sostenibbli.
Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat ukoll li d-dejn nazzjonali ta’ Malta waqa’ sew taħt is-60% tal-ġid li tiġġenera l-ekonomija u mistenni jkompli jonqos.
Dwar is-suq tax-xogħol, il-Kummissjoni Ewropea tagħraf li sejjer tajjeb ħafna. Qalet li t-tkabbir tas-suq tax-xogħol baqa’ b’saħħtu u ra l-akbar żieda li hija ’l fuq mill-medja Ewropea tant li l-laħqet il-miri tagħha fis-suq tax-xogħol. Żiedet li Malta laħqet ukoll il-miri fil-qasam tal-edukazzjoni terzjarja u mistennija tilħaq il-mira fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded.
Skont il-Kummissjoni Ewropea, il-Maltin qegħdin jgħixu aktar b’rata li hija d-doppju tal-medja Ewropea. Qalet li dan hu riżultat ta’ investiment fil-kura disponibbli u l-kwalità tas-servizzi tas-saħħa f’Malta.
Fir-rapport ġie nnotat ukoll li naqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Il-Kummussjoni Ewropea tagħraf ukoll li Malta, permezz tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzarji u l-FIAU tejbet il-ħidma tagħhom kontra l-ħasil tal-flus.
Il-Kummissjoni semmiet ukoll bosta miżuri li implimenta l-Gvern matul din is-sena bħala parti mill-istrateġija nazzjonali biex jiġġieled il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.
B’reazzjoni, il-Gvern qal li jinsab konxju ta’ dawn l-isfidi. Żied jgħid li t-tkabbir ekonomiku eċċezzjonali ta’ Malta fl-aħħar snin qed iwassal għal sfidi li l-Gvern huwa konxju tagħhom u li jinsab impenjat li jindirizza bla ma jxekkel ir-riżultati miksuba.
Il-Gvern tenna l-impenn tiegħu li jimplimenta l-biċċa l-kbira tal-proposti li għamlet il-Kummissjoni Venezja biex ikompli jsaħħaħ l-istitituzzjoinjiet ta’ pajjiżna wara snin li matulhom ma saru l-ebda bidliet.