Mill-lum il-perjodu tal-mard fuq iċ-ċertifikat mediku għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ġie estiż minn sebat ijiem għal erbatax-il ġurnata.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali qal li persuna assigurata li ma tkunx tista’ tattendi xogħol minħabba raġunijiet mediċi tista’ titlob lit-tabib li jinħargilha ċertifikat mediku bħala inkapaċi għax-xogħol. Skont in-natura tal-każ, jistgħu jinħolqu erba’ xenarji differenti:
BIDU u TMIEM jew ĊERTIFIKAT MAGĦLUQ – jiċċertifika li l-persuna assigurata mhijiex tajba għax-xogħol għal perjodu speċifiku ta’ jiem li ma jaqbiżx l-erbatax (14)-il ġurnata.
ĊERTIFIKAT TA’ BIDU jew BIDU MIFTUĦ – jiċċertifika li l-persuna assigurata ġiet eżaminata medikament għall-ewwel darba u mhux se tkun tajba għax-xogħol għal aktar minn erbatax-il jum.
ĊERTIFIKAT TA’ KONTINWAZZJONI – jiċċertifika li l-persuna assigurata għadha mhix kapaċi tattendi x-xogħol għall-perjodu li ma jeċċedix l-erbatax-il jum mid-data tal-eżami fuq iċ-ċertifikat mediku.
ĊERTIFIKATA TA’ TMIEM jew FINALI – jiċċertifika li l-persuna assigurata tista’ tidħol għax-xogħol fid-data speċifikata fuq iċ-ċertifikat mediku għal perjodu li ma jeċċedix l-erbatax-il ġurnata mid-data tal-eżami fuq l-istess ċertifikat.
Il-Ministru Michael Falzon qal li qed ikun ittamat li permezz ta’ din il-miżura, persuni assigurati li ma jistgħux jattendu xogħol minħabba mard ma jibqgħux ikunu obbligati li jippreżentaw ċertifikat lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ta’ kull gimgħa meta l-mard ikun iċċertifikat li jaqbeż is-sebat ijiem.
Il-Ministru Falzon tenna li huwa mistenni wkoll li permezz ta’ din il-miżura se jitnaqqas konsiderevolment l-iskariġġ tal-pubbliku li jippreżenta dawn iċ-ċertifikati fl-Uffiċini Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jew fil-hubs reġjonali tal-aġenzija servizz.gov. Din il-miżura tfisser ukoll l-iffrankar ta’ spejjeż żejda ta’ pustaġġ għal min jibgħathom bil-posta.