Mexjin ġmielhom ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun, b’investiment ta’ madwar tlett mitt elf ewro.
Din il-bidla mill-isbaħ, li qed issir mill-ħaddiem fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura, ser twassal sabiex iż-Żwieten igawdu minn spazju aktar komdu.
Il-Perit responsabbli minn dan il-proġett, Antoine Sapiano, spjega ma’ One News li x-xogħol ewlieni ma jinvolvix biss it-tibdil tal-pavementar ta’ dan il-misraħ, iżda wkoll li ser isiru xogħlijiet oħra ferm interessanti li ser jippreservaw karrateristika Maltija. Il-Perit żied jispjega li waqt ix-xogħlijiet instabu affarijiet li ma kinux qed jistennew, fosthom fuħħar.
“Ser issir water feature speċi ta’ repplika ta’ għajn tal-ilma li kien hawn fil-passat. Intant fil-proċess tax-xogħol instabu xi affarijiet antiki bħal pereżempju ġwiebi, iktar minn wieħed. Il-ġibju il-kbir li nstab ser jitħalla aċċess permanenti għalih u kemm jista’ jittieħed ilma minnu kif ukoll jiġi rrestawrat,” is-Sur Sapiano.
Fost dawn ix-xogħlijiet insibu wkoll twaħħil ta’ faċilitajiet oħra bħal gradilji tal-ilma tax-xita, pavimentar tal-bankini madwar il-kantuniera, rampa li twassal għal faċilitajiet sanitarji, bini mill-ġdid tat-turġien li jwasslu għaz-żuntier u għamara ġdida u sistema ta’ dawl ġdida li se tixgħel il-faċċata tal-Knisja ddeddikata lil Santa Katarina.
Il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg qal li dan l-investiment se jservi biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti fiż-Żejtun.
“Naraw li din l-infrastruttura tkun tista tospita mhux biss attivitajiet reliġjużi imma anke soċjali u dawk informali tan-nies li jgħixu hawnekk. B’hekk inkunu qed intejbu anke l-kwalità ta’ ħajja illi wieħed jista’ jgħix fil-komunità tiegħu,” qal il-Ministru Borg.
Żied jgħid li wieħed għandu japprezza l-wirt arkitettoniku ta’ din iż-żona, għax fiha ser tgħaqqad il-knisja u l-oratorju li jmorru lura għas-seklu tmintax u ċentru parrokkjali li jmur lura għas-snin ħamsin.
Il-Ministru Borg żied jgħid li x-xogħol simili għaddej fuq iz-zuntier tal-Parroċċa tal-Mellieħa, li qed isir b’investiment ta’ madwar erbgħin elf ewro.