Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus ma ntebaħx li waħda mit-toroq li se jibni mill-ġdid dan il-Gvern fis-Siġġiewi kienet diġà inkluża fl-ewwel lista ta’ 120 triq li se jinbnew b’investiment ta’ €70 miljun.
Callus staqsa fil-Parlament lill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg jispjegalu kif fil-lista li tħabbret fl-aħħar jiem dwar bini ta’ 170 triq ġdida madwar Malta u Għawdex ma kienx hemm Triq Nikol Azzopardi fis-Siġġiewi.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Borg għarrfu li din it-triq ġiet inkluża fl-ewwel sejħa li ħareġ il-Gvern ta’ 120 triq.
“Ninforma lill-Onorevoli Callus li qed iħawwad iż-żewġ listi ta’ toroq li ħabbarna u li diġà bdejna nibnu mill-ġdid uħud. Naturalment, dawk it-toroq li hemm f’lista, ma jistgħux jissemmew f’lista oħra, sakemm l-Onorevoli Callus mhux qed jitlob li xi triq issir darbtejn”, wieġbu l-Ministru Borg.
Fil-fatt Triq Nikol Azzopardi kienet waħda mill-120 triq li l-Gvern inkluda fl-ewwel kuntratt biex jinbnew mill-ġdid fix-xhur li ġejjin.
Il-Ministru tenna li toroq li diġà jinsabu fl-ewwel kuntratt ta’ 120 triq m’għandhomx ikunu fit-tieni lista ta’ 170 triq.