Kawża tal-maltemp qawwi li laqat il-gżejjer Maltin fi tmiem il-ġimgħa li għadda, iċ-ċentru ta’ assistenza tal-Enemalta wieġeb ‘il fuq minn 1,600 talba għall-għajnuna li minnhom ġew identifikati 570 każ ta’ ħsara.
40% minn dawn il-każijiet identifikati kienu jirrigwardjaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku filwaqt li l-kumplament tal-każijiet kienu jikkonċernaw diffikultajiet oħra kkawżati mit-temp kiefer li ħakem lil Malta, kif fisser magħna il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, Jason Vella.
Jason Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta qal: “Ovvjament il-bqija kienu ħsarat li n-nies kienu qed jirrappurtaw ta’ arbli maqlubin, wires li setgħu kienu qed jissparkjaw etc.”
L-Inġinier Vella qal kif filwaqt li l-ħsarat fis-sistema ta’ vultaġġ għoli kienu ftit u ssewwew kollha sa kmieni l-Ħadd waranofsinhar, baqa’ numru sostanzjali ta’ ħsarat fis-sistema ta’ vultaġġ baxx li qed jaffettwaw klijenti mferrxa ma’ Malta u Għawdex.
Huwa kompla jirrimarka li: “Kellna ħsarat fuq is-sistema ta’ vultaġġ għoli kif ukoll ħsarat fuq is-sistema ta’ vultaġġ baxx, sal-Ħadd kmieni waranofsinhar il-ħsarat fuq is-sistema ta’ vultaġġ għoli kienu kollha clearjati però kien għad fadal u anke fadal illum matul il-ġurnata diversi ħsarat fuq is-sistemi ta’ vultaġġ baxx.”
Huwa żied jgħid li t-timijiet tal-emerġenza tal-korporazzjoni baqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom matul il-lejl u se tkompli fil-jiem li ġejjin sakemm is-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal b’mod komplet.
Huwa kompla jgħid li: “Ovvjament il-ħsarat once li t-tip ta’ ħsarat kellhom x’jaqsmu ma’ wires maqlugħin, arbli mwaqqgħin, etc dawk ħa jaffettwawlek kemm ir-residenti, il-ħwienet tagħna u kif ukoll id-dwal fit-toroq, ovvjament dawn qegħdin ukoll fil-programm tagħna biex kemm jista’ jkun malajr inkunu qed nirritornaw is-sitwazzjoni għan-normal.”
Mistoqsi dwar rapport fil-midja Nazzjonalista dwar allert massimu dwar it-tanker tal-gass, il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta xejjen dak rapportat.
Huwa tenna li: “Mhix kwistjoni ta’ allert massimu imma ta’ prekawzjoni.”
Intant, dawn il-jiem ta’ maltemp wasslu biex it-talba għall-provvista tal-elettriku tirreġistra żieda sostanzjali, tant li l-Ħadd laħqet medja ta’ 324MW kull siegħa, jew 20% aktar mill-medja li normalment tintlaħaq fil-jum tal-Ħadd.
Din iż-żieda hija attribwita għall-fatt li l-familji Maltin semgħu mill-appelli tal-awtoritajiet u baqgħu fil-kenn ta’ djarhom u għalhekk sar użu aktar wiesgħa tas-sistemi li jsaħħnu bl-elettriku fost l-oħrajn.