Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ħabbar li wara bosta spezzjonijiet li wettaq matul il-jum, ikkonfiska ħafna mill-ħut li skont rapport fil-midja beda jinbiegħ wara li nġabar mit-triq.
Id-Direttorat għarraf ma setax jiggarantixxi s-sigurtà tal-ħut minħabba bosta raġunijiet. Qal li d-Direttorat ma kellux tagħrif dwar l-oriġini ta’ dan il-ħut u jekk dan il-ħut kienx diġà mejjet qabel inqabad. Qal li jekk il-ħut kien diġà mejjet, hemm possibbilità li dan il-ħut kien diġà tħassar u għalhekk hemm possibilità li dan iwassal għal avvelenament. Żied jingħad li jekk dan il-ħut kien intenzjonat għall-fish farms, seta’ kien fuq trattament mediku u jista’ jitqies biss bħala sigur ladarba jintemm il-perjodu stabbilit.
Żied jingħad li l-ħut seta’ nżamm f’kundizzjonijiet mhux xierqa u miġbur mit-toroq u għalhell espost għall-perikli ta’ saħħa.