L-Aġenzija Sedqa qed tkompli għaddejja bil-kampanji edukattivi sabiex tgħin studenti jaffaċjaw pressjonijiet kmieni mit-tfulija.
Bħalissa, Sedqa qed tmexxi l-programm B.A.B.E.S., li huwa mmirat li joħloq għarfien preventiv minn etajiet żgħar, u b’hekk it-tfal jitgħallmu jieħdu deċiżjonijiet u jkunu aktar affermativi kontra vizzji bħall-alkoħol u d-droga.
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti, attendew sessjoni minn dan il-programm li kienet qed tingħata lit-tfal tat-tielet sena fl-iskola primarja tal-Mellieħa.
Dan il-programm se jkun kompost minn 6 sessjonijiet fejn matulhom it-tfal se jkollhom iċ-ċans jesploraw l-emozzjonijiet tagħhom, filwaqt li jkunu mfaħħra t-talenti u l-abbiltajiet tat-tfal.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-programm se jkun qed jingħata fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex, u se jkun qed jara li jibni s-self esteem u l-kunfidenza fost it-tfal.
Il-Ministru Falzon qal li programmi bħal dawn ikomplu jgħallmu lit-tfal jibdlu sitwazzjonijiet diffiċli f’esperjenzi pożittivi, u b’hekk jibdlu l-burdata għal waħda aktar kostruttiva.
Barra minn hekk, dan il-programm se jkun spjegat ukoll lill-ġenituri biex ikunu konxji tar-realtijiet li jeżistu, anke fost it-tfal.