Ħaddiema tal-forzi tal-ordni se jingħataw pakkett ta’ assigurazzjoni f’każ ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol, li jlaħħaq il-€180,000 kull persuna f’każ ta’ diżabilità permanenti jew mewt.
Din kienet wegħda elettorali ewlenija tal-Partit Laburista fi-Gvern fl-elezzjoni tal-2019, li se tidħol fis-seħħ fl-ewwel ta’ Mejju li ġej.
Ħabbru dan il-Ministri Edward Scicluna u Michael Farrugia f’konferenza tal-aħbarijiet.
Il-pakkett ta’ assigurazzjoni se jkun id-dritt ta’ kull ħaddiem full-time u part-time li huwa impjegat tad-Dipartiment tad-Dwana, tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, tal-Armata, tal-Korp tal-Pulizija, jew huwa Uffiċjal Korrettiv f’Kordin.
L-ammont li l-ħaddiem jingħata se jvarja skont il-gravità tal-każ u d-dannu li sofra l-ħaddiem jew qrabatu.
Il-Ministru Edward Scicluna qal: “Dan mingħajr mal-familja trid tmur il-Qorti u tagħmel din il-claim. Il-claim, għalkemm ma tikkontribwixxix għaliha, tagħmilha skont id-diżabilità kemm hi kbira l-kumpens jingħata lilu u lill-familja tiegħu”.
Il-Ministru Michael Farrugia spjega li t-talba għal pakkett ta’ assigurazzjoni kienet ilha ssir mill-Korp tal-Pulizija u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Iżda l-inċident makabru ta’ Simon Schembri, u l-periklu li bosta ħaddiema affaċċjaw fl-aħħar jiem minħabba l-maltemp, wassal biex il-Gvern ġab flimkien l-aktar forzi ewlenin tas-sigurtà f’pajjiżna.
Il-Ministru Michael Farrugia qal: “Dawn huma l-persuni li b’mod kontinwu, qegħdin hemmhekk biex isalvaw u jipproteġu. Imma fl-istess ħin qed ipoġġu lilhom infushom f’ċertu ammont ta’ periklu. Allura nħass il-bżonn li jkunu koperti biex iħarsu lil pajjiżna.
Kien spjegat ukoll li l-pjan tal-Gvern huwa li skemi ta’ dan it-tip, dejjem skont it-talba tas-Servizz Pubbliku, jinfirxu biex ikopru u jikkumpensaw ħaddiema ta’ setturi oħra”.