Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qalet li l-provvista tal-ilma se tibqa’ għaddejja minkejja li kawża tal-maltemp saru xi ħsarat fil-main tal-ilma li jgħaqqad lil Malta mal-gżira Għawdxija. Il-ħsarat se jiġu evalwati fil-ġranet li ġejjin malli jikkalma l-baħar.
Fi stqarrija, il-korporazzjoni qalet li inċidenti bħal dawn ikomplu juru l-bżonn li l-viżjoni tal-Korporazzjoni, li Għawdex ikun mija fil-mija indipendenti minn Malta, titwettaq. Fil-fatt, il-proġett tar-Reverse Osmosis f’Ħondoq ir-Rummien beda u diġà tħaffru 4 mill-bjar li minnhom se jkun qed jinġibed l-ilma.
Dan l-investiment, barra li se jpoġġi lil Għawdex fuq il-mappa tad-dinja fejn tidħol teknoloġija nadifa u effiċjenti, se jkun qed jiggarantixxi provvista sigura għal Għawdex u se jagħti l-potenzjal li l-ilma tal-pjan fil-gżira Għawdxija jiġi mmaniġġjat bl-aħjar mod possibbli.