Minħabba l-kundizzjonijiet estremi tat-temp il-bieraħ, il-Park Arkeoloġiku ta’ Ħaġar Qim u l-Mnajdra fil-Qrendi, Forti Sant’Iermu l-Belt Valletta, u Forti Sant’Anġlu l-Birgu ma nfetħux għall-pubbliku, primarjament għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà.
Wara nofsinhar, il-Mużew Marittimu kien ukoll temporanjament magħluq peress li nqata’ d-dawl.
Għalkemm it-tempji preistoriċi ta’ Ħaġar Qim u l-Mnajdra, u t-tined protettivi tagħhom ma ġewx affetwati, iċ-ċentru tal-viżitaturi sofra xi danni esterni.
Ilbieraħ, membri mid-dipartiment tal-manutenzjoni ta’ Heritage Malta marru fuq il-post biex jevalwaw il-ħsarat.
Riħ qawwi ferm li ħakem direttament lil Forti Sant’Iermu ma wassal għall-ebda ħsara, iżda s-sit ngħalaq temporanjament bħala miżura ta’ prekawzjoni, l-aktar għax l-inħawi fejn jinsab il-forti huma esposti ħafna għar-riħ mill-grigal.
Egmont Hall fil-Forti Sant’Anġlu ġarrbet ħsarat konsiderevoli, partikolarment fis-saqaf.
Xi pannelli esterni informattivi ġew ukoll affettwati.
Ħsarat oħra rrappurtati jinkludu t-tiġrif ta’ parti mill-ħajt estern tas-sit preistoriku ta’ Tas-Silġ f’Marsaxlokk, xi danni strutturali f’wieħed mil-paviljuni tal-Katakombi ta’ San Pawl, u xi siġar li nqalgħu bir-riħ f’xi siti ta’ Heritage Malta.
Illum, is-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta huma miftuħa għall-pubbliku.