It-tindifa ġenerali madwar il-pajjiż biex jitneħħa kull periklu li seta’ jikkawża l-maltemp kiefer ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet, mistennija titlesta sa tmiem din il-ġimgħa.
Sat-Tnejn filgħodu, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u l-Armata, ġabru mas-70 tunnellata skart li nġema’ fit-toroq waqt il-maltemp.
ONE News żar lil xi ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif fix-Xemxija, fejn il-ħerba li ħalla l-maltemp kienet evidenti sew, hekk kif bankijiet u kontenituri tal-iskart tkissru, u skart li ntrema fil-baħar tela’ lura fit-triq.
Fuq il-post kien hemm ukoll xi sajjieda li sfortunatment kellhom l-opri tal-baħar tagħhom meqruda minħabba l-mewġ b’saħħtu li għamel fl-inħawi lbieraħ.
Id-Direttur Ġenerali għat-Tindif u l-Manutenzjoni, Ramon Deguara, spjega li minkejja l-operazzjoni delikata għall-aħħar li kellha ssir fix-Xemxija, l-aċċess għat-traffiku nfetaħ minn kmieni filgħodu sakemm kienu għaddejin ix-xogħlijiet.
Ramon Deguara id-Direttur Ġenerali tas-CMD qal: “L-għamara tat-triq prattikament spiċċat. Jiġifieri kontenituri tal-iskart, bankijiet, dawk irid isir investiment mill-ġdid biex jiġi lura kollox għan-normal.
Hemm ukoll l-inħawi ta’ Wied il-Għajn u San Tumas li wkoll kienu milquta. S’issa bħala nefqa għadha trid issir evalwazzjoni mill-periti responsabbli. Jidher li hemm eluf ta’ ewro ħsarat biex insewwu dak li ġara”.
Il-Gvern qal ukoll li jinsab lest biex jiftaħ diskussjoni mal-Unjoni Ewropea għal fond bħala għajnuna lil dawk li sofrew xi danni fil-maltemp.
Intant, l-impatt tal-grigalata ta’ dawn l-aħħar jumejn qam ukoll fil-Parlament it-Tnejn waranofsinhar. Il-Prim Ministru Joseph Muscat irrikonxxa l-ħidma ta’ diversi ħaddiema u voluntiera li bi qlubija pproteġew lill-poplu fil-maltemp.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal: “Fi 48 siegħa d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili intervjena fuq madwar 486 sejħa għall-għajnuna.
Id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellu l-għajnuna tal-Pulizija u fejn kien hemm bzonn anke l-armata biex jitwettqu xi interventi.
Id-Dipartiment intervjena wkoll billi ġew evakwati xi nies li nqabdu fi djarhom ma jistgħux joħorġu.
14-il persuna ġew evakwati minn tas-Sliema u 12-il persuna ġew evakwati minn zewġt ibnadi differenti fil-Birgu”.
Il-Prim Ministru Muscat assigura wkoll li ma kienx hemm bżonn li t-tanker tal-gass jinħareġ minn postu ħdejn il-power station ta’ Delimara, għax ma kien hemm ebda periklu.
Fakkar ukoll li l-Gvern għaddej b’ħidma biex jikkalkula l-ispejjeż tal-ħsara li saret waqt il-maltemp.
Il-Prim Ministru kompla jirrimarka li: “Kif ssir il-valutazzjoni se nkunu qegħdin nistudjaw liema fondi nistgħu nuzaw biex inkopru spejjeż li setgħu nqalgħu minn dan il-maltemp. Kif ħabbart il-bieraħ filgħodu, il-Gvern beda jezamina mal-ewwel l-possibiltà ta’ użu ta’ fondi Ewropej relatati ma’ dizastri naturali taħt il-European Solidarity Fund. Din l-applikazzjoni tista’ ssir biss kif ikollna stima sħiħa tal-ħsarat u għadu kmieni biex wieħed jgħid jekk nikkwalifikawx”.
Fi stqarrija, Heritage Malta qalet li xi siti storiċi madwar Malta sofrew xi ħsarat, fosthom il-Forti Sant’ Anġlu u t-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra.
L-entità Ambjent Malta spjegat ukoll li diversi siti madwar il-Gżejjer Maltin kollha sofrew xi ħsarat, fosthom siti tan-Natura 2000 u Parks Nazzjonali.