Biex sab kandidat għall-Parlament Ewropew minn Għawdex, il-Partit Nazzjonalista kellu jdur fuq David Stellini.
Stellini huwa deputat li inqas minn sentejn ilu ġie Malta minn Brussell, fejn ħadem għal diversi snin, biex isir deputat tal-Parlament Malti. Kif tkellem hu stess iktar minn darba miegħu ġab lil familtu.
Peró ħames xhur ilu ONE NEWS kien żvela li fil-Partit Nazzjonalista kien qed jingħata l-parir biex Stellini jkun imħeġġeġ jikkontesta għall-Parlament Ewropew.
Iżda, għal dan kien hemm reżistenza interna kbira.
Għax filwaqt li lil Chris Said kienu avviċinawh biex jeħilsu minnu u jibagħtu Brussell, f’David Stellini l-klikka ta’ Adrian Delia għandha alleat.
Pero disgħin jum bogħod mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew il-grupp ta’ Adrian Delia kellu jċedi u qal lil Stellini joħroġ.
Jirriżulta li Stellini aċċetta bit-tama li jerġa’ jmur lura Brussell. Dan għax huwa sigriet magħruf li jiddispjaċih mhux ftit li ġie lura biex Malta biex spiċċa biss deputat fl-oppożizzjoni ta’ Adrian Delia. Fl-aħħar xhur Stellini appella għal iktar minn darba biex id-deputati tal-Parlament ikollhom paga aħjar.