Il-Ħadd filgħaxija, l-istazzjon ONE se jxandar Dokumentarju speċjali fl-okkażjoni tal-ħamsa u għoxrin anniversarju mit-twaqqif tal-istazzjon.
Kollox jibda fid-disgħa neqsin kwart ta’ filgħaxija f’dokumentarju ta’ siegħa u nofs li se jxandar intervisti ma’ sittax-il persuna; minn tekniċi sa eks prim ministru u l-Prim Ministru Joseph Muscat.
L-ebda bidu mhu faċli u tul dan id-dokumentarju, dawn il-persuni se jaqsmu bosta memorji u diffikultajiet li sabu matul dan il-vjaġġ. Fost l-isfidi ewlenin kien hemm dawk tal-binja li ma kinitx mibnija bil-ħsieb li tkun stazzjon u anke s-sitwazzjoni finanzjarja.
Kien hemm ukoll l-isfida tal-mentalita għax il-poplu Malti u Għawdxi kien imdorri biss bi stazzjon wieħed, dak nazzjonali.
Minkejja dan, żewġ aspetti ferm pożittivi kienu l-voluntiera kollha li b’ħeġġa u determinazzjoni ħadmu fl-istazzjon; u l-pubbliku li bl-appoġġ tiegħu, inkoraġixxa l-istazzjon biex ikompli fit-triq li qabad.
Interessanti wkoll, kif dawk intervistati se jirrakuntaw b’mod esklussiv, ġrajjiet li ġrawlhom u li għadhom qatt ma xxandru.
Dan filwaqt li se jixxandar ukoll kumment ta’ persuna li mgħadiex magħna.
Iċ-chairman ta’ One, Jason Micallef esprima sodisfazzjon kbir għal fejn irnexxielu jasal l-istazzjon illum il-ġurnata.
Micallef qal kif “dawn huma żminijiet eċitanti ħafna għal One Tv, eċitanti għax kuntenti u ferħanin ħafna li ħolma li 25 sena ilu jitwieled stazzjon u jibqa’ għaddej u jkun l-aqwa u fil-quċċata 25 sena wara mill-istazzjonijiet privati u kummerċjali kollha huwa mument ta’ kburija ħafna, determinati li s-snin li ġejjin one tv jibqa’ fuq quddiem nett u jibqa’ l-aqwa stazzjon lokali mill-istazzjonijiet privati kollha”
Għaldaqstant, żgur li ħadd mgħandu jitlef dan id-dokumentarju uniku li se jqanqal nostalġija liema bħalha.