Id-destinazzjoni tal-LifeCycle Challenge għal din is-sena se tkun fil-bliet ta’ Ħanoj fil-Vjetnam, Laos u l-Kambodja.
Diversi ċiklisti lokali u internazzjonali se jagħmlu rotta ta’ 2,000 kilometru madwar l-Ażja t’isfel, sabiex bil-fondi miġbura jgħinu lill-pazjenti tal-kliewi permezz ta’ xiri ta’ tagħmir meħtieġa u faċilitajiet mtejjba fit-Taqsima tal-kliewi fl-isptar Mater Dei.
Din l-isfida se tkun qed tappoġġja wkoll lit-Transplant Support Group u tkompli tqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa ta’ trapjanti tal-organi f’Malta.
Cherly Cefai, iċ-Chairperson tal-Lifecycle foundation, li hi wkoll waħda mill-ewwel nisa li telgħu għal din l-isfida minn 11–il sena ilu, tenniet ma’ One News li huma jkunu ferm preparati għal din l-isfida u li kull sena, kull pajjiż differenti jkollu d-diffikultajiet tiegħu.
Cherly Cefai qalet: “Din is-sena qed nisperaw li jkollna challenge differenti se naqsmu tliet pajjiżi landscape se tkun differenti għal kollox għadna ma nafux eżatt għax ir-rotta għadna ma għamilnijiex, imma niggarantixxu lil kulħadd li se tkun challenge bħall-oħrajn.”
Il-Lifecycle Challenge timmira wkoll li tgħin mhux biss lill-pazjenti iżda wkoll lill-qraba tagħhom u lill-komunità.
Din l-isfida għandha l-appoġġ kontinwu tas-Segretarju Parlamentari Clifton Grima li saħaq kif attivitajiet bħal dawn jixhdu l-veru valuri tagħna l-Maltin.
Is-Segretarju Parlamentari, Clifton Grima qal: “Tieħu pjaċir x’ħin tara għaqdiet volontarji bħal dawn li jaħdmu ma’ partners lokali sabiex jagħmlu biċċa xogħol bħal din, biċċa xogħol illi turi l-valuri tagħna bħala poplu, il-valuri illi wieħed jgħin dejjem lil ħaddieħor.”