Sigħat qabel il-maratona ta’ Malta it-tim mediku tas-Salib l-Aħmar jinsab għaddej bil-preparamenti għal kull eventwalità li tista’ sseħħ.
Propju waqt l-aħħar preparamenti f’Pembroke żar l-attività ma taqta’ xejn li kien hemm is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima.
Id-direttur tal-operazzjonijiet tas-Salib l-Aħmar f’Malta spjega l-loġistika kbira marbuta mal-maratona.
Robert Brincau d-Direttur tal-Operazzjonijiet tar-Red Cross qal: “Il-maratona t’għada hija kbira. Filfatt ikollna l-units kollha kważi deployed, qed nitkellmu jiġifieri barra tal-baħar se jkun hemm 25 unit. Ħa nkunu madwar 60 imbagħad ningħaqdu mal-health, li jkunu bejn 20 tobba u nurses li nkunu qed naħdmu flimkien.”
Is-sena l-oħra l-assoċjazzjoni tas-Salib l-Aħmar f’Malta ibbenefikat minn skemi għall-għaqdiet volontarji u f’dan il-kuntest, is-Segretarju Parlamentari faħħar il-ħidma ta’ din l-għaqda li permezz ta’ dawn il-fondi kompliet issaħħaħ il-kapaċitajiet marittimi tagħha.
Din is-sena filfatt l-għaqda reġgħet irċiviet fondi mill-istess skema, iżda din id-darba se tkun qed itejjeb is-servizzi tagħha f’każ ta’ diżastri naturali u inċidenti maġġuri.
Il-pjanijiet huma li tinxtara vettura speċjalizzata u t-tim tal-inġinerija li għandha r-Red Cross stess tikkonvertih f’Major Incident Support Unit mgħammar bl-apparat kollu neċessarju waqt inċidenti kbar.
Bħalissa il-Malta Red Cross għandha ‘l fuq minn 25 vettura, vettura tal-baħar u 8 ambulanzi li kollha huma lesti li jirrispondu għax-xogħlijiet ta’ kuljum u f’każi ta’ emerġenza.
Din l-għaqda ilha topera minn ġewwa Malta għal aktar minn 25 sena u bħalissa għandha fi ħdanha aktar minn 100 voluntier attiv li ta’ kull ġimgħa jiddedikaw ħinhom għall-volontarjat.