Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li Partit Laburista fil-Gvern tul is-snin, u taħt tmexxijiet diversi, dejjem ħadem bl-istess prinċipju bażilari, dak li ma jħalli lil ħadd jaqa’ lura. Partit Laburista fil-Gvern dejjem ħaddem il-prinċipju tal-ugwaljanza fil-konkret u mhux biss teoretikament.
Id-Deputat Prim Ministru qal dan meta l-Ġimgħa filgħaxija indirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Fergħa tal-Veterani tal-Partit Laburista. Huwa qal li dan il-prinċipju jiddistingwi lill-Partit Laburista minn kull partit politiku ieħor fil-pajjiż, apparti li jispikka fuq kisbiet kbar oħra, fosthom fil-qasam soċjali, li l-poplu Malti u Għawdxi għamel taħt Gvernijiet Laburisti.
“Il-Partit Laburista dejjem kellu l-viżjoni li jaħseb f’kulħadd. Prinċipju li għaddewhulna ta’ qabilna, qegħdin inkomplu nipprattikawh u għandna nassiguraw li ngħadduh lil min jiġi warajna. Huwa piż kbir, imma fl-istess ħin ikun ta’ unur li tħaddmu,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Huwa żied jgħid li b’dan il-prinċipju f’moħħna rridu nkomplu nħarsu ‘l quddiem, bih bħala gwida inkluż għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali li se jsiru f’Mejju li ġej.