F’rapport li sar dwar il-kriminalità f’Malta fl-2018 joħroġ li r-reati kirminali naqsu b’7% jew b’aktar minn 1,200 każ meta mqabbel mal-2017.
Ir-rapport imħejji mill-Kriminologu, il-Professur Saviour Formosa juri li s-serq baqa’ l-iktar reat komuni b’41% tal-offiżi kollha mabruta mal-kriminalità. Dan jindika tnaqqis ta’ aktar minn 7% mill-2017 u tagħmilha lanqas rata fl-aħħar 14–il sena, meta fl-2004 kienu jammontaw għal aktar minn 62%.
Il-każi rrapportati ta’ vjolenza domestika s-sena l-oħra żdiedu b’aktar minn 8% u ammontaw għal 1341 każ. Ir-rapporti ta’ frodi raw żieda ta 31% u telgħu għal 1032 każ.
Ir-rapport juri wkoll li s-serq tal-pickpocketing naqas b’ħamsin fil-mija għal ftit anqas minn elf każ meta mqabbel mal-2017.
Ma’ One News il-Kriminologu Formosa saħaq li f’Malta, għalkemm bdew jonqsu diversi reati komuni, bdiet tikber issa il-popolarità ta’ kriminalita finanzjara b’żieda ta’ 94%.
“Għandna ċertu alartness, iġifieri qegħdin issa aktar attenti għal krimini oħra li qed jiżdiedu li turi fejn sejra s-soċjeta, dawk il-krimini li huma aktar finanzjarji, iġifieri għamilna żmien ir-reati kienu relatati ma’ affarijiet pubbliċi bħal bodiliy harm, imbgħad mar iktar lejn aspett tal-ħajja sagra u privata tagħna u kellek żieda fid-domestic violence. Imma din is-sena qed naraw ukoll il-morfoloġija tar-reati qed tgħafas lejn financial crime,” huwa qal.
Matul is-sena li għaddiet il-każijiet ta’ droga rrappurtata żdiedu għal 12%. Ir-rapport juri li waqt li naqasu r-rapporti ta’ fastidju, żdiedu dawk ta’ theddid, stalking u rikatt. Ir-rapporti ta’ offiżi sesswali żdiedu għal 18% fl-2018, biż-żieda tkun fil-kategoriji kollha ta’offiżi sesswali, ħlief fl-istupri fuq in-nisa.
L-ikbar ammont ta’ reati saru fl-Imdina li għaddiet lil San Ġiljan minħabba każijiet ta’ parkeġġ illegali. Bormla, San Ġiljan u l-Għargħur kienu l-aktar tliet lokalitajiet fil-mira tal-ħallelin.
Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia faħħar il-ħidma tal-korp tal-Pulizija u qal li t-tnaqqis fil-kriminalità f’Malta li hija wkoll taħt il-medja ewropea, hija frott il-ħidma tal-uffiċjali tal-pulizija .
“L-inizjativa li ser ikun qed jieħu l-korp tal-pulizija fuq l-analiżi illi saret u investiment li hemm bżonn, l-inizjattivi li ser ikun hemm bżonn biex inkomplu niġġieldu l-kriminalità, innaqsu l-kriminalità, b’mod speċjali l-kriminalità organizzata,” qal Dr. Farrugia.
Il-Kumissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dawn ir-riżultati, iżda qal li baqa’ ħafna aktar xi jsir biex jiġu miġġielda reati ġodda.