Hekk kif tħabbret il-mewt tal-Prim Imħallef Emeritu Giuseppe Mifsud Bonnici, il-Professur Ray Mangion kien wieħed minn bosta li kkumenta dwar il-ħajja u l-karriera ta’ dak li kien magħruf bħala Ġoġo.
Ikkuntat minn one.com.mt, il-Profs. Mangion qal kif bit-telfa ta’ Ġoġo, qed jinżel is-separju fuq il-ġenerazzjoni ta’ Maltin li għexu ż-żminijiet ta’ waqt u wara l-gwerra.
“Kien bniedem wieħed mill-aħħar tal-epoka tiegħu, tal-ġenerazzjonijiet ta’ pajjiżna li llum sfumaw, minn dawk li kienu culturally-minded ħafna. It-telfa tiegħu hija qed jingħalqu l-bibien ta’ era ta’ wara l-gwerra,” sostna l-Professur Mangion.
Mistoqsi fuq il-kontribut li ta lill-qasam legali f’pajjiżna huwa sostna li Ġoġo ħalla legat estensiv. Qal li b’mod partikolari ta ħafna kontribut fil-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta, fejn hemmhekk għamel man-nofs seklu jgħallem lil ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ studenti li eventwalment daħlu wkoll fil-professjoni legali.
“Ta kontribut enormi għall-kultura legali Maltija. Kien bniedem onestissimu u ta’ ħafna kontribut akkademikament lill-Fakulta tal-Liġi. Fil-fatt għamel kważi ħamsin sena jgħallem il-filosofija tad-dritt fl-Universita ta’ Malta,” temm jgħid il-Profs. Mangion.