L-aġenzija tal-Gvern Heritage Malta ħabbret li se toġġezzjona għall-applikazzjoni ta’ żvilupp ta’ lukanda ta’ disa’ sulari qrib ġnien storiku u importanti magħruf bħala Giardino Zamittello fil-Pietà.
L-aġenzija qalet li l-iżvilupp proposta hu ta’ detriment ukoll għall-binja storika ta’ Villa Frere li tinsab bieb ma’ bieb mal-ġnien ta’ Villa Frere.
L-aġenzija qalet li talbet għal żieda fl-iskedar ta’ Villa Frere bħala monument storiku ta’ Grad wieħed u l-iskedar ta’ Giardino Zamittello.
Il-ġnien jikkonsisti f’sensiela ta’ strutturi mibnija lejn l-aħħar tas-seklu 18, b’tisbiħ ieħor li sar fil-bidu tas-seklu dsatax bi stil Barokk u Neo-Klassiku. Il-ġnien jinkludi wkoll torri li x’aktarx intuża mir-ribelli Maltin waqt l-imblokk tal-Franċiżi.
Minbarra Villa Frere, fil-Pietà hemm diversi djar u ġonna aristokratiċi bħal Villa Guardamangia, Casa Guardamangia, Villa Medna u Villa Zammit.