Mara Afrikana rrakontat it-trawma li għaddiet minnha meta qassis beda jabbuża sesswalment minnha sa minn meta kellha 15-il sena.
Waqt summit fil-Vatikan bil-għan li jippreveni l-abbuż fuq dawk vulnerabbli, hija rrakontat kif dan il-qassis kien itiha dak li kienet tkun trid meta kienet taċċetta li jkollu x’jaqsam magħha. Iżda meta ma kinitx tkun trid, huwa kien isawwatha.
Kompliet tgħid kif saħansitra l-qassis kien ħariġha tqila mat-tliet darbiet, u li f’kull darba minn dawn l-okkażjonijiet il-qassis ġiegħelha twettaq abort. Qalet li kien jagħmel dan għax ma kienx juża kontraċettivi.
Hija saħqet li tant kienet għada żgħira li għal bidu qas biss irealizzat li kienet qed tiġi abbużata.
L-istorja tagħha qasmet qalb dawk kollha li kienu preżenti.
Fl-indirizz tiegħu quddiem mijiet ta’ isqfijiet u kardinali, l-Papa Franġisku wissa li l-Insara qed jitolbu azzjoni konkreta u mhux iktar paroli, fil-konfront ta’ membri tal-kleru li jabbużaw minn persuni vulnerabbli nkluż it-tfal. Qal kif din hija problema madwar id-dinja kollha u għalhekk ir-rispons għal dik li sejjaħ bħala marda irid ikun wieħed globali.