B’investiment ta’ sitt miljun ewro ġiet uffiċjalment inawgurata l-iskola primarja l-ġdida San Ġwakkin f’Wied il-Għajn.
L-inawgurazzjoni saret mill-Prim Ministru Joseph Muscat l-Erbgħa filgħodu, fejn s’issa madwar 300 mitt tifel u tifla bdew jieħdu l-edukazzjoni tagħhom f’din l-iskola l-ġdida li tista’ tilqa’ mitt student ieħor.
L-iskola hija mgħammra b’faċilitajiet moderni u ddisinjata b’tali mod li tilqa’ għall-ħtiġijiet moderni tal-edukazzjoni.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru qal li ta’ Wied il-Għajn hija sitt skola ġdida li nbniet fl-aħħar sitt snin waqt li għaddej ix-xogħol fuq il-bini ta’ skola oħra fil-Qawra.
Qal li fl-aħħar snin kienu għaddej ukoll programm kbir ta’ manutenzjoni fi skejjel eżistenti.
Innota li l-iskola l-ġdida ġiet mgħammra wkoll bl-aqwa sigurtà kemm għall-istudenti u kemm għall-għalliema, fosthom b’cameras ta’ sigurtà. Hawnhekk saħaq fuq il-bzonn ta’ rispett akbar lejn l-edukaturi u saħaq li l-vjolenza fuq l-għalliema qatt mhi tollerata. Tkellem ukoll dwar bosta sfidi fl-iskejjel fosthom dik tal-multikulturaliżmu u qal li m’għandniex nibżgħu minnha, iżda niffaċċjawha b’aktar riżorsi.
Dr Muscat ta ħajr ukoll lill-Arċisqof Charles Scicluna għall-kompromess li ntlaħaq biex biċċa art tal-knisja li tmiss mal-iskola tintuża għall-ħin ta’ rikreazzjoni tal-istudenti.
“Issa ħa jkollha magħha wkoll sala u jkollha magħha wkoll post aħjar u ikbar fejn l-istudenti tagħna jkunu jistgħu jgawdu l-ħin liberu tagħhom,” qal Dr. Muscat.
L-iskola l-ġdida ntlaqet tajjeb mill-istudenti u l-edukaturi. Ma’ One News qalu li din il-bidla ‘kkulurita’ u ‘spazjuża’ ser tgħinhom aħjar sabiex jitgħalmu kif ukoll jgħallmu.
Il-Perit responsabbli mill-proġett, Joseph Attard, saħaq li l-iskola nbniet kif għandha tkun skola, bl-iskop li l-ambjent jakkomoda kemm l-istudenti kif ukoll lill-edukaturi.
“Bażikament din l-iskola inbniet bħala skola, anke l-finishes qadna attenti li jkunu lussużi imma lanqas li jkunu ta’ livell baxx. Finishes relatati mal-iskejjel. Infatti l-kuluri tal-ħitan intgħażlu b’mod apposta u mhux kulur wieħed,” saħaq il-Perit Attard.
Min-naħħa tiegħu l-Minisitru għal-edukazzjoni Evarist Bartolo, għamel referenza għar-rapport tal-UNICEF li wera li Malta ġiet ikklassifikata t-tieni post wara l-Finlandja bħala pajjiż li jagħti aċċess għall-edukazzjoni ekwa. Żied li l-iskejjel għandhom ikunu postijiet ta’ ferħ sabiex l-għalliema u l-istudenti jmorru għal qalbhom.