Il-Gvern alloka fond ta’ nofs miljun ewro għal programm ta’ Housing Speċjalizzat sabiex b’kollaborazzjoni ma’ għaqdiet mhux goveranttivi, djar tal-Gvern li jinsabu abbanundati jiġu riġenerati u jilqgħu fihom persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali, nies li jkunu qed isofru minn vjolenza domestika u faxex oħra ta’ nies li jkunu jeħtieġu saqaf fuq rashom.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’dar antika tal-Gvern f’Bormla, l-ewwel dar li se tiġi rriġenerata, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes qal li l-għajnuna tikkonsisiti f’allokazzjoni ta’ spazji xierqa u għajnuniet finanzjarji biex postijiet antiki jiġu rranġati u jilqgħu fihom nies vulnerabbli. Qal li din l-iskema se tirreġenera postijiet abbandunati u tagħtihom il-ħajja mill-ġdid.
“Qegħdin naħdmu sabiex nerġgħu nagħtu l-ħajja lil dawn il-binjiet u nimassimizzaw is-servizzi tal-ngo biex mhux biss sempliċitament biss intuhom ċavetta u jkollhom propjeta imma jekk għandhom bżonn għajnuna, terapija ta nies li huma vulnerbali, djar bħal dawn li huma kbar u massivi jistgħu jintużaw għal dan l-iskop,” saħaq is-Segretarju Parlamentari.
Il-Kap eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay spjega ma’ ONE News li dan l-investiment ser jippromwovi l-mobbilità soċjali. Żied jghid li l-għaqdiet mhux governattivi ser jkollhom l-opportunita li mhux biss japplikaw għal dawn ir-residenzi, iżda wkoll jagħżlu huma d-disinn sabiex jakkomodaw il-ħtiġijiet ta’ dawn il-persuni vulnerabbli.
“Qed tħares lejn setturi oħra fi ħdan il-qasam soċjali u naħseb il-miżura li ħabbarna llum ser tkun qed tmiss settur ta’ persuni li m’għandhomx bżonn biss akkomodazzjoni soċjali imma għandhom ukoll akkomodazzjoni b’sapport kontinwu u personaliżżat,” qal is-Sur McKay.
Min-naħa tagħha ċ-chairperson tal-bord tal-esperti li identifika dawn id-djar, l-Antropoloġista Dr Rachael Scicluna, saħqet li dawn il-programmi ser iħallu bosta benefiċċji, fosthom li l-persuni vulnerabbli jibqgħu integrati fis-soċjetà waqt li qed jirċievu l-għajnuna li għandhom bżonn.