Minkejja li diversi kunsilliera tal-Partit Nazzjonista qattgħu t-Tlieta filgħaxija jitħaddtu fuq il-governanza tajba, il-viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo kkonferma li l-Partit Nazzjonalista mhux biss għadu għaddej bl-iskema ta’ self iżda issa lanqas hemm limitu fuq l-ammonti li qed jissellef. Dan ikkonfermah waqt l-għeluq tal-ewwel seduta tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista għal din is-sena.
“Iċ-ċedoli għadhom, kull ma bdilna hija s-somma li tista tinvesti m’hemmx somma fissa,” sostna Arrigo.
Iċ-ċedoli hija skema ta’ self sigriet li permezz tagħha l-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jdaħħal il-miljuni mingħajr ma jagħti rendikont ta’ min qed jiffinanzjah.
Kif mistenni, Arrigo ddedika parti sostanzjali mid-diskors tiegħu sabiex jitkellem fuq i-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista. Hawnekk ipprova jserraħ moħħ in-Nazzjonalisti li mhux il-Partit Nazzjonalista biss għandu d-dejn.
“Anki jekk għandna d-dejn, m’aħniex l-uniċi nies li għandna d-dejn,” huwa kompla jgħid.
Il-qasma fil-Partit Nazzjonalista ssemmiet ukoll f’numru ta’ diskorsi tal-kelliema li indirizzaw din is-sessjoni tal-kunsill b’attendenza fqira ta’ membri.
Fost dawk li tkellmu dwar il-bżonn tal-għaqda kien hemm is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli fejn sostna li biex il-Partit Nazzjonalista jkun hemm għal Malta jridu jkunu flimkien bħala Partit.
“Qed ngħidu flimkien għal pajjiżna għax irridu nkunu flimkien bħala partit,” Puli qal.
Id-deputat Herman Schiavone wkoll tkellem dwar l-għaqda li m’hemmx fost id-deputati Nazzjonalisti.
Saħaq li: “Ħa daqqa ta’ ħarta kbira meta fil-grupp parlamentari kien hemm min ma ġibidx il-ħabel tal-kap”.
Saħanistra stqarr li d-deputati għandhom jilgħabuha li huma magħqudin.
“Tista’ tkun perċezzjoni, iżda l-obbligu fuq kull wieħed minnha d-deputati li mhux biss niġbdu l-ħabel tal-kap u l-partit iżda nidhru li qed nagħmlu hekk,” huwa qal.
Fost il-kontradizzjonijiet li kien hemm f’din is-sessjoni tal-Kunsill Ġenerali kien hemm id-diskorsi tal-amministrazzjoni tal-Partit.
Filwaqt li ħafna mill-kelliema qalu li bħalissa l-poplu Malti qed jgħix fl-għaks u f’faqar materjali, Clyde Puli ħareġ jifraħ li s-sena l-oħra kienet sena rekord ta’ ġbir għall-Partit Nazzjonalista.
“Rekord ta’ maratoni matul din is-sena. Ġbarna miljun u nofs, qatt ma ġbarna daqshekk,” sostna Puli.