Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura l-iskola primarja l-ġdida f’Wied il-Għajn b’investiment ta’ sitt miljun ewro.
Din l-iskola, mgħammra b’faċilitajiet moderni u ddiżinjata b’tali mod għall-ħtiġijiet moderni tal-edukazzjoni fil-preżent qed tilqa’ madwar 300 tifel u tifla iżda għandha l-potenzjal li takkomoda l-400 student.
Fid-diskors tiegħu il-Prim Ministru qal li din hi s-sitt skola li nbniet fl-aħħar sitt snin, u li dalwaqt se tiftaħ il-bibien tagħha l-iskola primarja tal-Qawra. Sostna li għalkemm huwa tajjeb li l-gvern qed jinvesti fi skejjel ġodda, ma jistgħux jiġu minsija dawk eżistenti. Fil-fatt f’dan l-aħħar snin l-investiment fir-rinovar ta’ skejjel eżistenti laħaq livelli bla preċedent.
Tkellem ukoll fuq il-meżżi ta’ sigurtà li fiha l-iskola, fosthom kameras tas-sigurtà. Hawnhekk il-Prim Ministru għal darb’ oħra tenna li l-vjolenza fuq l-edukaturi qatt ma kienet u mhix se tkun ittollerata.
Dr. Muscat saħaq ukoll li s-settur edukattiv fil-preżent qed jaffaċja l-isfida tal-multikulturaliżmu, fejn tfal minn diversi pajjiżi differenti qedgħin jieħdu l-edukazzjoni flimkien ma’ tfal Maltin. Hawnhekk saħaq li l-isfida f’dan ir-rigward hi li nkunu nklussivi u li ma noħolqux segregazzjoni bejn tfal minn ġnus differenti.
Il-Prim Ministru elenka wkoll il-miżuri li l-gvern ħa fl-aħħar snin sabiex jissaħħaħ is-settur tal-edukazzjoni. Semma li 2,000 student attendew għar-revision classes li jsiru fis-sajf għal min ikollu bżonn jerġa jagħmel l-eżamijiet tal-MATSEC, fejn qal ukoll li dawn issa saru b’xejn. Semma wkoll it-tqassim tat-tablets lit-tfal tar-raba’ sena ħalli aktar nies jkunu konxji fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni
Tkellem ukoll fuq l-opportunitajiet lill-edukaturi hekk kif dawn qed jingħataw iċ-ċans li jtejbu l-ħiliet tagħhom.