Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja, iddeċidiet li jinstgħu jinbdew il-proċeduri legali kontra Peter Attard – sid kelb li gidem lil ċertu Lindsey Vella.
Il-każ seħħ fil-ħanut li fih kienet qed taħdem Vella.
Fil-Qorti, l-avukat ta’ Vella sostna li fetaħ proċeduri fil-Qorti kontra l-Kummissarju tal-Pulizija minħabba li l-Pulizija ma ressqitx lil sid il-kelb, fosthom minħabba li l-kelb kien miżmum biċ-ċinga.
Il-Kummissarju tal-Pulizija spjega kif kienet Vella li ferħet u marret tbus lill-kelb. Żied li meta seħħ dan kollu, l-kelb kien fil-kontroll ta’ sidu, li ma setax jantiċipa jew jikkontrolla dak li kien se jseħħ.
Min-naħa tagħha, il-Qorti nnutat li r-razza tal-kelb hija magħrufa bħala fost l-iktar aggressivi, u li l-argument tal-Kummissarju tal-Pulizija kien ikun validu jekk il-provi f’idejh juru li l-inċident seħħ tort ta’ Vella.