L-aħbar żvelata mill-gazzetta KullĦadd li l-MEP Roberta Metsola ma mxitx mal-Polonja kif imxiet ma’ Malta, tefgħet lill-MEP Nazzjonalista f’paniku.
Tant li għaddiet il-jum tal-Ħadd tipprova tiddefendi lilha nnifisha billi tattakka l-gazzetta KullĦadd u l-Partit Laburista.
Iżda, imkien fl-istqarrijiet ta’ Roberta Metsola ma kienu miċħuda l-fatti żvelati fil-KullĦadd.
Fil-fatt, il-gazzetta żvelat li fl-istess laqgħa li attakkat lil Malta, Roberta Metsola ma vvotatx biex isir rapport dwar is-salta tad-dritt fil-Polonja. Id-deċiżjoni ttieħdet b’differenza ta’ vot wieħed biex li kieku Metsola mxiet mal-Polonja kif timxi ma’ Malta r-rapport kien isir.
Fi stqarrija ta’ paniku Metsola qalet li l-Partit Laburista mhux kredibbli u li kemm ilha fil-Parlament Ewropew dejjem qabżet għal Malta.
Skont Metsola r-rapporti veritieri dwarha, tant li ma ċaħdithomx, huma biss attakki. U qalet li mhux se jintimidawha.
Intant, konxja sew li nqabdet fuq sieq waħda Metsola kompliet għaddejja tipprova tbenġilha waranofsinhar. Dan meta fuq il-vapur ta’ Għawdex ħadet ritratt bil-gazzetta f’idha u ftaħret li ma xtratix iżda sabitha fuq il-vapur.