Erba’ suldati nqatlu f’Kashmir f’battalja bl-armi mal-militanti. Magħhom miet ukoll sid ta’ dar fl-inħawi.
Dan il-każ seħħ fid-distrett ta’ Pulwama – l-istess post fejn il-Ħamis li għadda nqatlu aktar minn erbgħin suldat Indjan f’attakk suwiċida.
L-uffiċjali tas-sigurtà Indjani appellaw lin-nies li jgħixu fl-inħawi biex ma joħorġux minn djarhom.
Fid-dawl li qed jingħad li l-istat tal-Pakistan huwa kompliċi, dan il-pajjiż sejjaħ għall-ambaxxatur tiegħu f’Delhi biex isiru konsultazzjonijiet fost tensjoni li kull ma jmur qed tiżdied.
L-attakk tal-ġimgħa l-oħra f’Pulwama – li ra splussivi jisplodu konvoj ta’ tmienja u sebgħin vettura b’forzi tas-sigurtà Indjani abbord, kien l-aktar wieħed imdemmi fir-reġjun fl-aħħar snin.