Fil-gżira tat-tliet għoljiet, il-Prim Ministru tkellem ukoll kif Għawdex huwa prijorità daqs Malta.
Il-Prim Ministru Muscat qal: “Aħna għalina Għawdex u Malta huma tal-istess livell, għandhom dritt għall-istess servizz, għandhom dritt għall-istess kwalità.”
Dr. Muscat semma kif mill-2013 l’hawn, Għawdex ra żieda ta’ 3,300 impjieg li fisser xi ħaġa storika għal Għawdex.
Il-Prim Ministru kompla billi qal: “It-tkabbir ekonomiku f’Għawdex, ara nitkellmu kemm pajjiżna sejjer tajjeb fl-ekonomija, li issa qbiżna s-6%, issa b’mod permanenti, meta ngħidu dan kollu hemm storja isbaħ għaliex b’saħħtu kemm hu b’saħħtu t-tkabbir ekonomiku f’Malta, it-tkabbir ekonomiku f’Għawdex għall-ewwel darba fl-istorja huwa aktar b’saħħtu mit-tkabbir ekonomiku f’Malta.”
Fuq il-viżjoni li l-Gvern għandu għall-investiment u l-ħolqien tax-xogħol f’Għawdex, il-Prim Ministru ta sinjal ċar tal-importanza t’Għawdex bħala post li jkompli jattira l-investiment.
Huwa żied li: “Il-ħolqien tax-xogħol f’Għawdex għalina huwa prijorità daqskemm huwa prijorità tal-ħolqien tax-xogħol f’kwalunkwe parti oħra tal-pajjiż.”
Dwar il-wegħda ewlenija tal-Gvern li jirranġa t-toroq kollha ta’ Malta fuq medda ta’ 7 snin, Dr. Joseph Muscat qal li Għawdex ukoll huwa parti minn din il-wegħda u l-investiment fit-toroq tagħna.
Qal li t-toroq tagħna ma jistgħux jistennew proġetti oħrajn li hemm ħsieb qawwi fuqhom dwar trasport tal-massa fosthom bil-metro fuq jew taħt l-art.
Il-Prim Ministru reġa’ appella biex bħala moviment naħdmu għall-elezzjonijiet li ġejjin quddiemna, u partikolarment semma’ kif hemm persuni b’diżabilità li se joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.
Mingħajr ma ried jisterjopitizza lil dawn il-persuni, il-Prim Ministru għalaq b’messaġġ interessanti.
Fl-aħħar nett il-Prim Ministru qal: “Qisna qegħdin ngħidu isma’ dawn għax persuni b’diżabilità, filfatt id-diżabilità tagħhom hija mhux sekondarja, irrelevanti f’dan kollu.Qed jikkontestaw u qed jitolbu l-vot mhux għax huma persuni b’diżabilità imma għax huma persuni li jistgħu jikkontribwixxu għal-lokalitajiet tagħhom u skantajt u ma skantajtx bit-tweġiba. It-tweġiba li ngħatajt kienet li tkellmu dwarna dwar persuni b’diżabilità għax hemm bżonn illi nuru lilna nfusna li aħna qegħdin u deħlin fil-ħajja pubblika.”