Wieħed miż-żewġ hijackers tal-ajruplan tal-linja tal-ajru Libjana Afriqijah li kien tniżżel f’Malta ftit tal-jiem qabel il-Milied ta’ sentejn ilu inagħta l-liberta proviżorja.
Dakinhar żewġ hijackers li kellhom mal-20 sena kienu ġiegħlu lill-kaptan iniżżel l-ajruplan f’pajjiżna bit-theddida li jekk ma jimxix mal-ordnijiet tagħhom kienu se jisplodu l-istess ajruplan.
Huma kienu ilhom miżmuma arrestati mill-Milied tas-sena elfejn u sittax madankollu l-avukati difensuri qalu li l-Qorti kienet kostretta tagħtih l-ħelsien mill-arrest wara li t-terminu tal-arrest laħaq skada.
L-avukat ġenerali oġġezzjona għal dan wara li saħaq li Soko Moussa mhux biss kien il-moħħ wara l-attakk iżda minħabba li l-ġuvni ma kellu l-ebda rabtiet ma’ pajjiżna u li hemm potenzjal kbir li jista’ jaħrab minn pajjiżna.
Madanakollu l-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li f’sentenza li tista’ teċċedi l-15-il sena ħabs it-terminu tal-arrest preventiv ma jistax jaqbeż it-30 xahar.
Hawnekk hija reġgħet tenniet dwar l-importanza għall-introduzzjoni ta’ brazzuletti li jimmarkaw il-post li l-imputat ikun fiha ġaladarba joħroġ mill-ħabs.
Hija qalet li dan l-apparat jista’ jserraħ moħħ il-pulizija sabiex l-imputati kkonċernati ma jaħarbux mill-pajjiż.