Il-gazzetta KullĦadd tkellmet dwar l-istat ħażin tat-toroq f’San Pawl il-Baħar. Diversi persuni qed jilmentaw mis-sitwazzjoni tal-infrastruttura tant li dawra mal-lokal wara li ġejna kkuntattjati turi kif l-istat tat-toroq jinsab fl-agħar li qatt kien.
F’lokal fejn il-ħtiġijiet dejjem qed jikbru, ir-residenti għandhom ix-xorti ħażina li t-tmexxija tal-Kunsill Lokali kienet iktar medhija tiġġieled bejnietha, milli tippjana u tfassal proġetti
infrastrutturali ġodda u ta’ tisbiħ.
Residenti li ċemplu biex jilmentaw magħna kellmuna u qalulna: “Lanqas il-manutenzjoni li kienet issir minn żmien għal żmien m’għadha ssir.
Ma nafx x’Kunsill Lokali hu! Ma tgħidx għandna żona waħda li forsi waqgħet ftit lura, iżda għandna lokal sħiħ li jinsab f ’telqa liema bħalha. Minn San Pawl għal Buġibba u bnadi oħra għandna toroq li tistħi li jgħaddu minnhom it-turisti li jżuruna. Biex ma nsemmix l-iskumdità għalina. Ngħiru għal Kunsilli Lokali oħra.”
Kien bħal dan iż-żmien sena li rriżenjat minn Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea. It-tmexxija tagħha kienet waħda ineffettiva għax ma kinetx tgawdi mill-fiduċja ta’ sħabha fil-Partit Nazzjonalista. Tant li f ’Jannar tas-sena l-oħra kienet qed taffaċċja mozzjoni ta’ sfiduċja. Biex ma tkunx umiljata b’vot ta’ sfiduċja spiċċat irriżenjat.
Iżda, it-tneħħija tagħha ma fissritx li l-affarijiet ġew f ’posthom. Tant li ftit tal-ġimgħat ilu diżgwid bejn is-Sindku Nazzjonalista ta’ San Pawl il-Baħar Anne Fenech u l-Kunsilliera Nazzjonalista Antoinette Bezzina wasal sabiex il-laqgħa tal-Kunsill tieqaf ħesrem u tiġi sospiża.
Dik kienet l-ewwel laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għal din is-sena l-ġdida, li mill-ewwel bdiet fuq nota ħazina.
Ftit minuti wara li bdiet il-laqgħa, il-Kunsilliera Nazzjonalista Antoinette Bezzina qajmet point of order fuq kantun li hemm fit-triq tagħha u għadu ma tranġax.
Bezzina bdiet tisaqsi lis-Sindku meta se jitneħħa dan il-kantun u iktar tard qabdet u telqet ’il barra mil-laqgħa tal-Kunsill.
Dan wassal biex l-laqgħa tal-Kunsill Lokali tieqaf ħesrem minħabba li ma kienx hemm kworum.
Ir-resident li tkellem magħna u kien konxju ta’ dan l-inċident qalilna: “Ma ċċaqalqux fuq tneħħija ta’ kantun aħseb u ara kemm se jagħmlu t-toroq.”