Il-gazzetta KullĦadd titkellem dwar kif matul is-sena li għaddiet, saru 181 sessjoni ta’ konsultazzjoni ta’ emerġenza psikjatrika magħrufa bħala CAPES (Child Adolescent Psychiatric Emergency Services) ma’ tfal u addolexxenti li l-età tagħhom tasal sa 18-il sena. CAPES huwa servizz relattivament ġdid li ilu jiffunzjona minn Ġunju tas-sena 2016 u huwa bbażat fid-Dipartiment tal-Inċidenti u tal-Emerġenza (A&E) fl-Isptar Mater Dei.
Huwa servizz li jipprovdi reviżjoni ta’ analiżi psikjatrika akuta lil tfal u żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena li jkunu ddaħħlu b’emerġenza jew bi kriżi psikjatrika fl-imsemmi dipartiment f ’Mater Dei.
Pazjenti ta’ din l-età li jkunu ddaħħlu Mater Dei jsofru minn kundizzjoni psikjatrika jiġu riveduti mill-Pedjatra fid-Dipartiment tal-Emerġenza u wara jiġi kkonsultat infermier psikjatriku.
Wara li l-pazjent ikun stabbilizzat fid-Dipartiment tal-Emerġenza jista’ jiġi riferut għal servizz ieħor għal tfal u żgħażagħ, servizz li huwa magħruf bħala CYPS (Children and Young People Service) jew lil xi aġenzija oħra.
Matul is-sena li għaddiet CAPES irreferew 41 każ ġdid, 17-il tifel u 24 tifla, lis-CYPS flimkien ma’ 79 każ ieħor biex ikomplu jkunu segwiti.
Meta jirriżulta li jkun meħtieġ li l-pazjent jinżamm allura jiġi riferut għand konsulent, li jista’ jkun ukoll il-konsulent preċedenti tal-pazjent. Ikun dan il-konsulent li jiddetermina fejn il-pazjent ikun jista’ jingħata l-kura jew l-għajnuna meħtieġa.
Pazjenti ta’ dawn l-etajiet jistgħu jkun riferuti għand Residenza Żgħażagħ (Youth Residence), l-Isptar Monte Carmeli jew il-Psychiatric Unit fl-Isptar Mater Dei stess.
Min-naħa tiegħu s-CYPS huwa servizz tas-saħħa mentali fil-komunità bbażat fl-Isptar San Luqa għal tfal u żgħażagħ li jkollhom diffikultajiet fil-benesseri emozzjonali jew fl-imġiba tagħhom. L-età tagħhom tvarja minn tliet snin sa 18-il sena.
Il-ġenituri, jew dawk il-persuni li jkunu qegħdin jieħdu ħsiebhom, jistgħu wkoll jingħataw pariri siewja sabiex ikunu jistgħu jittrattaw il-problemi lit-tfal tagħhom ikunu qegħdin
jesperjenzaw. Is-servizzi offruti mis-CYPS huma provduti minn timijiet multidixxiplinarji komposti minn psikjatri, psikologi, social workers, infermieri, support workers, occupational therapists u psychological therapists.
Fis-CYPS isiru valutazzjonijiet u interventi għad-disturbi mentali kollha fit-tfal u fl-adolexxenti. Isiru valutazzjonijiet ukoll għal dawk li jbatu mill-kundizzjoni tal-ADHD u tal-ASD ibbażati fuq linji gwida NICE, farmakoterapija għal tfal u adolexxenti, psikoterapija individwali, u dialectical behaviour therapy – terapija fi gruppi.
Isiru wkoll korsijiet għall-ġenituri li wliedhom ikunu qegħdin ibatu minn ADHD, ODD, awtiżmu u li jkollhom imġiba diffiċli.
Matul is-sena 2018 CYPS kellhom quddiemhom 480 każ ġdid li minnhom 325 kienu subien u 155 bniet. Apparti din iċ-ċifra kien hemm 90 każ ieħor, 60 tifel u 30 tifla, li minkejja li ssejħu ma marrux għall-appuntamenti.
Fir-rigward ta’ każijiet li baqgħu jkunu segwiti CYPS raw 3,436 każ, bl-akbar għadd minnhom, 2,386 ikunu tas-subien u 1,050 tal-bniet.
Mitlub jikkummenta dwar dawn is-servizzi d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li “għandu jkun irrealizzat li l-problemi fis-saħħa mentali m’għandhomx etajiet. Tant
huwa hekk li nofs il-każijiet tad-disturbi mentali jibdew qabel l-età ta’ 14-il sena.
U allura huwa imperattiv u loġiku li nagħtu daqstant importanza minn kmieni. U huwa għalhekk ukoll li dan is-settur għandu sehem importanti fl-Istrateġija Nazzjonali tasSaħħa Mentali 2020-2030 u li bħalissa tinsab fi stadju ta’ konsultazzjoni pubblika.
Ninsabu kommessi li nkomplu naħdmu biex inwettqu dak li wegħedna fil-Programm Elettorali li nagħtu prijorità ġdida u kontinwità lis-saħħa mentali. Irridu li ma nħallux din il-problema terfa’ rasha u tkompli tikber.”