Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza Kunsill Ġenerali li fi kliem is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, se wieħed li jagħti rendikont sħiħ ta’ l-ewwel sena ta’ ħidma tat-tmexxija l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista.
Mistoqsi jekk f’dan ir-rendikont huwiex se jkunu jistgħu jgħidu li din il-ħidma waslet għall-għaqda fil-Partit Nazzjonalista, Puli ħasibha għal ftit sekondi x’se jwieġeb.
Sakemm il-ġlied li ddomina fil-Partit Nazzjonalista fl-aħħar sena penġih bħala dibattitu ġenwin.
Dak li Puli sejjaħlu dibattitu ġenwin kien xhur ta’ diżgwid u rizenji, fosthom ta’ kunsillieri u uffiċjali oħra tal-Partit Nazzjonalista, bl-aħħar minn dawn ikunu din il-ġimgħa stess.
Xhur ta’ ġlied, tkeċċija ta’ persuni minn gruppi tal-Whatsapp u konfoffi bejn il-fazzjonijiet fuq il-midja soċjali.
Saħansitra il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia innifsu attakka kritiċi nterni tiegħu kmieni filgħodu, meta f’messaġġ li kien bagħat fil-ħamsa ta’ filgħodu lil membri fil-Kunsill Amministrativ tal-Partit Nazzjonalista u li spiċċa illikjat f’diversi mezzi tax-xandir, kien qal li l-Partit jinsab fi gwerra.
Il-qasma li Puli pinġa bħala dibattitu ġenwin kienet reali tant li meta tfaċċaw allegazzjonijiet serji fil-konfront ta’ Adrian Delia, dan għal diversi ġimgħat kien qed jibza’ jlaqqa’ l-grupp parlamentari Nazzjonalista u l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
F’dan il-kuntest, Puli rrikorra għall-analoġiji.
Clyde Puli kkonsla li sa issa għadu ħadd ma qasam il-kamra.
Minkejja din id-dikjarazzjoni ta’ Puli, ma kienux darba u tnejn l-okkażjonijiet fejn deputati tal-Partit Nazzjonalista marru kontra l-linja ta’ Delia u kienu vvutaw kontra il-partit tagħhom stess fil-Parlament.