Taher Ahmed Taher Mansor ta’ 65 sena mil-Libja ingħata multa ta’ ħamest elef u sitt mitt ewro, u ġew ikkonfiskati lilu tnax-il elf u erba’ mitt ewro.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Lianne Bonello spjegat li r-raġel twaqqaf il-ġimgħa filgħodu mill-uffiċjali tad-Dwana fl-ajruport u nstab li kien ħiereġ minn pajjiżna – f’titjira għal Istanbul – b’ammont ta’ flus ekwivalenti għal tnejn u għoxrin elf, erba’ mija u ħamsin ewro.
Sejba li saret bl-għajnuna ta’ Sophie, kelba tad-Dwana.
L-Uffiċjal tad-Dwana spjega kif dawn il-flus instabu mqassmin fuq il-passiġġier, u fil-bagalji li kellu.
Fil-Qorti, ir-raġel ammetta l-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu, u talab skuża ta’ għemilu, filwaqt li tenna li jbaxxi rasu għal-liġi.
Minn naħa tiegħu l-Maġistrat Ian Farrugia qal li anke hu jbaxxi rasu għal-liġi. Liġi li, spjega, hi iebsa.
Dan f’sentenza li wasslet biex mit-tnejn u għoxrin elf u erba’ mitt ewro li kellu fuqu, għaxart elef ingħatawlu lura, tnax-il elf u erba’ mitt ewro ittiħdulu, u ġie ordnat iħallas multa ta’ ħamest elef u sitt mitt ewro.