Il-Partit Laburista għandu jkollu 25% tal-kandidati għall-Kunsilli Lokali li jkunu żgħażagħ. Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt it-tnedija tal-kampanja START tal-Forum Żgħażagħ Laburisti. Dr Muscat qal li din hi sfida importanti li għandu jkollu quddiemu l-Forum Żgħażagħ Laburisti fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Spjega li dan mhux sempliċiment għan-numru iżda għax iż-żgħażagħ jistgħu jkunu protagonisti biex ibiddlu l-lokalitajiet tagħhom.
Fisser kif il-Partit Laburista għandu rekord pożittiv b’kull darba li żgħażagħ ikkontestaw l-elezzjonijiet għamlu suċċess u eventwalment spiċċaw parti mit-tmexxija tal-pajjiż.
“Nista’ nara biċ-ċar quddiemi l-uċuh tal-mexxejja ta’ għada. L-ewwel pass jibda minn hawn,” qal il-Prim Ministru li fisser kif il-kampanja Start hi messaġġ b’saħħtu fiha nnifisha.
F’sala mimlija żgħażagħ u entużjażmu Joseph Muscat irrefera wkoll għal mozzjoni tal-Forum Żgħażagħ Laburisti biex l-età tas-sħubija fil-Partit Laburista tkun ta’ 14 -il sena. Iddeskriva din il-mozzjoni bħala sfida qawwija u li tista’ tkun kontroversjali. Iżda, ddikjara b’mod ċar: “Se ssibuni magħkom fuqha.” Qal li dan biex ikun hemm iktar tħejjija għall-ħajja parteċipattiva lil hinn mill-partiġjaniżmu. “Jien naħseb waħda mill-problemi l-kbar tal-partiġġjaniżmu fil-pajjiż mhuwiex għaliex iż-żgħażagħ nesponuhom għall-politika imma huwa bil-maqlub – iż-żgħażagħ ngħattuhom, nilqgħulhom, ma nħalluhomx li jkunu qed jipaprteċipaw fid-dibattitu fil-ħajja politika ta’ kuljum.”
Saħaq li l-Forum Żgħażagħ Laburista dejjem kellu l-kuraġġ. Hawn ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ikomplu juru l-kuraġġ għall-bidla u ddeskrivihom bħala protragonisti għall-bidla fil-pajjiż.