Il-Forum Żgħażagħ Laburisti qal li jemmen li kull mara Maltija u Għawdxija għandu jkollha dritt ta’ aċċess ħieles għall-Morning- After Pill. “Huwa għalhekk illi l-ebda diskrezzjoni politika m’ għandha tintuża sabiex twaqqaf l-aċċess tal-Morning-After Pill fis-suq tagħna,” qal il-Forum Żgħażagħ Laburisti fi stqarrija.
“Nisħqu li l-ewwel u qabel kollox għandu jitwassal iktar għarfien rigward dawn it-tip ta’ kontraċettivi u s-saħħa sesswali u riproduttiva inġenerali. Nenfasizzaw l-importanza li l-għarfien għandu jingħata minn sorsi kredibbli u li m’għandhom l-ebda aġenda xi jmexxu. Għaldaqstant, kwalunkwe dikjarazzjoni u tixrid ta’ informazzjoni qarrieqa li qed tħawwad l-imħuħ fuq din il-kwistjoni hija kundannabbli,” qal il-Forum Żgħażagħ Laburisti.
Kompla jingħad li l-FŻL jemmen li dawk li huma kontra l-introduzzjoni tal-Morning After Pill qegħdin jużaw il-frażi “abort” b’ konvenjenza, biex tinħoloq ċertu biża’ u mhux b’ konvinzjoni u b’hekk ikomplu jċaħdu aktar drittijiet lin-nisa.
“Il-FŻL jilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni taċ-Chairman tal-Awtorità tal-Mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott li qal b’ mod inekwivoku li, l-Morning-After Pill per se mhijex illegali u jonqos biss li jkun hemm importatur li jiddeċiedi li jirreġistraha mal-istess awtorità,” kompla jingħad fl-istqarrija.
Fl-aħħar nett ingħad li l-fatt li grupp ta’ nisa, fis-sena 2016, kellhom jirrikorru għall-protest ġudizzjarju biex qamet diskussjoni fuq il-Morning-After Pill, meta f’pajjiżi oħrajn din tinxtara over-the-counter hija turija ċara ta’ kemm f’pajjiżna s-sesswalità għadha ikkunsidrata bħala xi tabu’.
Pulse ukoll favur il-morning after pill
L-għaqda studenteska Pulse qalet li tul is-snin dejjem kienet fuq quddiem fil-promozzjoni ta’ drittijiet soċjali u ċivili. L-għaqda laqgħat bi ħġarha l-kummenti tal-Professur Anthony Serraċino Inglott, chairman tal-Awtorità tal-Mediċini, li ddikjara li l-pillola mhix abortiva.
Ikkwotaw lill-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa tgħid li l-kontraċezzjoni ta’ emerġenza hija disponibbli biss qabel il-fertizilizazzjoni u ma tagħmel ebda ħsara lill-embrijun. Pulse ikkongratula lill-Ministru Helena Dalli li fi kliemhom ħadet pożizzjoni pożittiva fil-kwistjoni. Jemmnu li għal soċjetà b’saħħitha hemm bżonn edukazzjoni fuq bosta temi relatati mas-sess u s-sesswalità.