F’anqas minn 24 siegħa mill-attakk fuq is-sistemi tal-Bank of Valletta li waqqaf għalkollox l-operat tal-bank, il-Ħamis filgħodu l-fergħat tal-bank reġgħu fetħu l-bibien tagħhom mill-ġdid bil-klijenti dehru jiġbdu u jiddepożitaw flushom b’mod normali.
Il-bank reġa’ beda jopera wara li ġie stabbilit li l-attakk sar fuq sistema waħda li tipproċessa l-ħlas lil terzi persuni. Sistema li waqqgħet is-sistemi kollha tal-bank u waslet għall-għeluq tal-fergħat tal-bank mal-pajjiż.
F’intervista ma’ One News, il-Kap tan-Negozju u l-Iżvilupp tal-Bank Kenneth Farrugia, ddeskriva dan l-attakk bħala skema elaborata u sofistikata ħafna li rnexxielha tinfiltra sistema unika tal-bank.
Is-Sur Farrugia qal li l-bank intebaħ b’dan l-attakk waqt proċedura ta’ rutina li ssir ta’ kull filgħodu.
Spjega li matulha ġie stabbilit li kienu għaddew għadd ta’ pagamenti b’valur ta’€13,000,000 li ma kinitx saret talba għalihom.
Huwa assigura li dawn il-flus ma ttieħdux mill-kontijiet bankarji tal-klijenti iżda mill-proċess intern ta’ trasferiment ta’ flus bejn il-BOV u banek oħra internazzjonali.
Farrugia kompla jispjega li l-BOV beda bi proċess metikoluż sabiex jibda jġib lura dawk il-flus li ttieħdu mingħajr permess.
Spjega li dan mhux proċess sempliċi għax il-banek involuti jinsabu f’żoni oħra madwar id-dinja u għalhekk joperaw f’ħinijiet differenti minn dawk ta’ pajjiżna.
Huwa kkonferma li bħalissa l-bank għaddej b’eżerċizzju rigoruż sabiex jistabbilixxi s-sors ta’ dan l-attakk li rnexxielu jgħaddi minn numru sostanzjali ta’ sistemi ta’ sigurtà tal-bank.
Għalkemm matul iż-żmien ikun hemm attentati fil-konfront tas-sistemi tal-banek, dan il-każ jista’ jiġi deskritt bħal fula f’qargħa għax kienet l-ewwel darba li s-sistema ta’ bank lokali ġiet mittiefsa.
Huwa minħabba f’hekk li s-sistema għadha ma ġietx attivata kompletament peress li l-bank irid ikun ċert li tneħħa kull traċċa ta’ dan l-attakk.
Waqt li għaraf li d-deċiżjoni li jwaqqfu l-operat ħolqot inkonvenjent lill-klijenti, is-Sur Farruga tenna li l-għan aħħari ta’ din id-deċiżjoni drastika kien li jħarsu lill-eluf ta’ klijenti tal-bank.
Fisser kif il-bank mexa fuq żewġ binarji fosthom li jidentifika s-sors tal-attakk u l-ħolqien ta’ sistemi ta’ sigurtà ġodda u li jerġa’ jibda jopera s-servizzi b’mod normali.
Fil-fatt, wara ħidma kbira mill-ħaddiema tal-bank, mat-tokki ta’ nofs il-lejl bdew jinxtegħlu s-servizzi sabiex sat-8.30 tal-Ħamis filgħodu, il-biċċa l-kbira tal-operat bankarju kien qed jaħdem b’mod normali.
Intant fi stqarrija, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qal li l-persuni li kien imissihom jirċievu l-benefiċċji s-Sibt li ġej f’kontijiet tal-BoV se jirċevuhom b’mod normali.