Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ma ħax pożizzjoni dwar l-attakk barra minn xtutna li qed jagħmel l-ewroparlamentari David Casa fil-konfront tal-istituzzjonijiet indipendenti Maltin.
Mistoqsi jaqbilx mal-aġir ta’ Casa, Delia qal li f’dak il-ħin wieħed mill-pilastri ewlenin tal-kostituzzjoni Maltija, il-Qrati ma kinux importanti.
Adrian Delia, l-Kap tal-PN qal li: “tikkundanna lil David Casa li mar fil-Parlament Ewropew jgħid li f’Malta m’hawnx fejn issir ġustizzja? Attakk dirett lejn il-qorti. – assulutament ma fhimtx x’għandu x’jaqsam mas-suġġett tal-lum.”
Imtenni l-mistoqsija jaqbilx mal-attakk ta’ Casa fuq l-istatituzzjonijiet Maltin, Delia qal li Casa huwa ewroparlamentari Nazzjonalista li ma waqafx jaħdem lejl u nhar.
Adrian Delia kompla billi qal: “David Casa tela u – David Casa mhux il-Gvern David Casa huwa MEP f’isem tal-PN li ma waqafx jaħdem lejl u nhar.”
Mistoqsi mill-ġdid fuq l-attakki fil-konfront tal-Qrati Maltin, bl-aktar mod surreali Delia bidel il-verżjoni u qal li huwa l-Gvern li qed jattakka l-ġustizzja għax qed jimxi mar-rakkomandazzonijiet tar-rapport maħruġ mill-Kummisjoni Venezja. Din il-kummissjoni rrakomandat li jiġu emendati liġijiet li kienu ddaħħlu minn Gvernijiet Nazzjonalisti.
Delia irrimarka wkoll li: “ L-attakk fuq il-ġustizzja priorità wkoll għal pajjiżna – l-attakk fuq il-ġustizzja qed isir minn dan il-gvern.”
Il-Kummissjoni Venezja ma kinitx l-unika entita li kkritikat liġijiet mill-pinna tal-Partit Nazzjonalista. Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’razzett tal-majjali f’Ħaż-Żebbuġ, ir-raħħal Mario Abela mill-koperattiva tal-majjali, sostna li deċiżjonijiet ħżiena tal-Partit Nazzjonalista ħarbtu lil din l-industrija.
Mario Abela, raħħal qal: “aħna l-akbar problema li saret min mexxa n-negozjati mill-gvern qabel dħalna fl-Ewropa ma sarx sewwa l-ftehim. Aħna Malta hija differenti minn pajjiżi oħra.”
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew, Peter Agius. Minkejja li sa mill-2002, Agius kien wieħed minn dawk li nnegozja s-sħubija ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea, huwa baqa’ b’fommu mitbuq għall-kliem iebes ta’ dan ir-raħħal.