Illum il-Fondazzjoni Marigold tiċċelebra għeluq il-5 snin mit-twaqqif tagħha. Is-Sinjura Michelle Muscat li hija ċ-Ċerpersin u l-ko-fundatriċi ta’ din il-Fondazzjoni, qalet li f’dawn il-5 snin sar ħafna xogħol mill-NGOs konċernati u li sar progress fejn jidħlu sfidi differenti.
Il-Fondazzjoni Marigold għandha l-iskop li taħdem id f’id mal-NGOs ħalli ssemma leħinha u b’hekk ikun hemm servizzi aħjar għal kulħadd.
Tul dawn il-5 snin, il-Fondazzjoni Marigold tat vuċi lill-persuni li jbatu bil-kundizzjoni tal-awtiżmu, sar provdut aktar informazzjoni dwar il-mard rari, u tkompliet il-ġlieda kontra l-istigma lejn il-mard mentali u l-Isptar Monte Carmeli. Il-Fondazzjoni għenet biex toħloq ambjent aħjar għall-persuni li jgħixu f’shelters u persuni li għaddejjin minn programm ta’ rijabilitazzjoni. Iffukat ukoll fuq programmi biex issir riċerka mill-Università ta’ Malta, filwaqt li implimentat kampanji edukattivi għal diversi kawżi b’mod speċjali dawk tal-kanċer. Il-Fondazzjoni għenet biex tiġbor fondi għall-programmi biex tgħin il-litteriżmu, l-isports u affarijiet relatati bħall-iSpecial Olympics.
Dan ix-xogħol kien possibbli permezz tal-fondi li s-Sinjura Muscat ġabret permezz tal-għawma annwali tagħha li tgħin lill-fondazzjoni.
Is-Sinjura Muscat qalet li fil-5 snin li ġejjin, tixtieq li xogħol l-hemm bħalissa jiġi konsolidat u jibdew proġetti ġodda oħra ħalli l-komunitajiet tagħna jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom. Il-Fondazzjoni qed taħdem ukoll ma’ entitajiet Ewropej u internazzjonali biex ħadd ma jibqa’ lura. .
Fl-aħħar tal-konferenza hija qalet li minħabba li llum huwa jum il-maħbubin, il-Fondazzjoni Marigold se tgħin ukoll lit-Transplant Support Group Live after Drew.
Il-Fondazzjoni Richmond, l-Isptar Monte Karmeli, il-CARITAS Malta, l-OASI, id-Dar tal-Providenza, Dar il-Kaptan, il-Fondazzjoni Nazareth, Dar San Ġużepp, il-Fondazzjoni Arka, l-Assoċjazzjoni ta’ Ġenituri bi Tfal bl-Awtiżmu, l-INSPIRE, Puttinu Cares, Hospice Malta, Europa Donna, Action for Breast Cancer, Soroptomists International, il-Karl Vella Foundation, l-Aġenzija Appoġġ, Rare Diseases Malta, RIDT, l-Olimpjadi Speċjali Malta u l-Victim Support Malta kienu ftit mill-organizzazzjonijiet li attendew dan l-avveniment.