Tħabbret il-mewt ta’ Benny Casha fl-għomor ta’48 sena. Huwa miet matul il-jum tal-Erbgħa, f’aħbar li ħasdet lil bosta nies involuti fil-futbol u fit-xena tat-teatru lokali.
Huwa nstab mejjet fil-ħanut tal-ikel li kien jopera fil-Kalkara.
Hekk kif dwiet l-aħbar tal-mewt tiegħu, kienu eluf li fuq il-midja soċjali fissru d-dieqa tagħhom għall-mewt ta’ Benny. Bosta ddeskrivewh bħala ħabib ta’ vera u bniedem ġentlom li kien jagħti ċansijiet lil ħafna sabiex jibdew karriera teatrali jew fuq it-televiżjoni.
Tkellimna ma’ Elliot Micallef, ħabib ta’ Benny u attur li jaf il-bidu tal-karriera tiegħu lilu.
Elliot Micallef li kien attur u ħabib qal: “Kien jagħti opportunità kważi lil kulħadd. Jekk inti kont tkun trid, kien itik l-opportunità. Issa ilni dawn l-aħħar 11-il sena li kont naf lil Benny. Dejjem kien hemm għalija fis-sens li dejjem ħass li kellu jtini l-opportunità. Kien ħabib ukoll għax kelma kien jgħidilek anka għal ġid, jekk jarak li tista’ tkun aħjar jimbuttak biex inti tkun aħjar”.
Huwa jibqa’ magħruf għas-sehem tiegħu fix-xena tat-televiżjoni u teatrali. Għal ħafna snin tella’ sensiliet televiżivi anke fuq ONE, fosthom Qedgħin Sew, Is-Sur Gawdenz u Marvin.
Bħala direttur tal-kumpanija Bronk, huwa ħadem mill-qrib ma’ Joseph Borg, magħruf aħjar bħala Ġorġ tad-Downuts, li l-aħħar li ra lil Benny kien propju ftit sigħat biss qabel ma ħalla din id-dinja.
Joseph Borg ħabib ta’ Benny qal: “Ninsab bla kliem, ixxukjat u ma nistax nemmen. Għalkemm rajt b’għajnejja xorta ma nistax nemmen. Filli fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar kien qiegħed ġo l-istazzjon tagħna ġabilna delivery tal-ikel u f’daqqa waħda wara s-sagħtejn iċemplulek b’din l-aħbar.
Minbarra ix-xena tad-drama, huwa kien involut sew fl-għaqdiet sportivi ta’ raħal twelidu fl-Isla. Għal bosta snin kien il-President ta’ Senglea Athletic, il-President tal-klabb tar-regatta kif ukoll involut fil-klabb tal-boċċi.